Waqt żjara fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera hekk kif għaddejjin ix-xogħlijiet fuq l-ewwel proġett tal-pixxina indoor ta' skala internazzjonali b'investiment ta' €8 miljuni, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li dan il-proġett ta' livell olimpiku mwiegħed fil-manifest elettorali huwa ta' opportunità eċċellenti biex is-settur akwatiku tal-isport f'pajjiżna jkompli jieħu spinta 'l quddiem u jkompli jagħti kontribut għal aktar suċċessi li nkisbu fl-aħħar snin.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-pixxina indoor state-of-the-art immexxija minn SportMalta se tkun fost l-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran. Fi kliem Clifton Grima, dan il-proġett, li mistenni jkun lest f'Diċembru 2020, se jkun qed jikkumplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport. Din hija turija ċara li l-Gvern huwa mpenjat li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva biex ikompli jgħolli u jilħaq livelli ta' suċċess fl-isport f'pajjiżna.
Waqt din iż-żjara ntemmet it-tieni fażi ta' dan il-proġett li kienet tikkonsisti fiż-żarmar u twaqqigħ tal-Boċċi Dromo. It-tħejjijiet għal dan il-proġett jikkonsistu fi tlett partijiet fejn issa jmiss li jingħata bidu għat-tielet fażi li tinvolvi l-preparamenti kollha biex tinbena l-pixxina indoor innifisha. Fl-ewwel parti ta' dan il-proġett tlesta l-bini ta' retaining wall mad-dawra tal-istess proġett.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta Mark Cutajar spjega li issa tlestew l-ewwel żewġ fażijiet ta' dan il-proġett u huwa kklakulat li d-dipartiment tal-kuntratti għandu joħroġ it-tielet tender fl-ewwel ġimgħa ta' April li ġej.
Mark Cutajar qal li l-pixxina hi ta' daqs olimpiku ta' 5000 metru kwadru, b'saqaf tal-injam b'tul ta' 44 metru kif ukoll ħitan tal-ħġieġ li jkopru mal-44 metru kwadru kull naħa, u fond ta' 2.2 metri, liema tul jissodisfa r-rekwiżit mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm. Huwa qal ukoll li l-pixxina se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija fosthom dik tal-bulkheads biex il-pixxina tkun maqsuma f'aktar minn faċilità waħda. L-art tal-pixxina se jkollha funzjoni li titla' u tinżel biex il-coaches tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess. Apparti hekk, il-materjal ta' twaqqigħ qed jiġi kollu riċiklat. Huwa temm jgħid li dan l-investiment ser jagħti nifs lill-isport akwatiku u fl-istess ħin se jkun ta' ġojell għan-nies tal-Kottonera u l-madwar.
Iċ-Chairman ta' SportMalta Luciano Busuttil qal li dan huwa parti minn kullana ta' proġetti li tieħu ħsieb SportMalta, liema proġett se jkun wieħed mill-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran għax il-pixxina indoor se tkun qed tikkumplimenta faċilità tal-padiljun li għandha spazju għal 400 spettatur kif ukoll sala tal-konferenzi u kafetterija. Huwa qal li atleti Maltin mhux se jibqgħu żvantaġġati meta mqabbla ma' atleti barranin fejn jitħarrgu f'pixxina miftuħa u jikkompetu f'pixxina indoor. Żied jgħid ukoll li bil-faċilitajiet il-programmi fi ħdan SportMalta se jkunu qed jikbru u jiżviluppaw f'aktar opportunitajiet.