Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr192421

PR192421

11/11/2019

STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA Analiżi dwar ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Il-pariri legali kollha juru li ma hemm xejn, la fil-Kostituzzjoni ta' pajjiżna u lanqas fil-liġijiet ta' Malta, li jqiegħed lill-membri parlamentari li jkollhom ħatriet mal-Gvern f'xi tip ta' kunflitt.

 

Din hija konklużjoni ewlenija ta' analiżi li tmexxiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fuq talba tal-Prim Ministru f'Lulju li għadda wara l-publikazzjoni ta' rapport mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar membri parlamentari li jkollhom kuntratti mal-Gvern.

 

Kif kien imwiegħed, din l-analiżi qed tiġi ppubblikata b'mod sħiħ ma' din l-istqarrija. Qed jiġu ppubblikati wkoll b'mod sħiħ il-pariri legali tal-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech u tal-espert kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo li ntalbu biex isaħħu l-analiżi tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.

                                                             

Din l-analiżi, li teżamina l-iżvilupp Kostituzzjonali ta' pajjiżna partikolarment dwar is-sehem ta' persuni impjegati mal-Gvern u entitajiet pubbliċi, turi li l-Kostituzzjoni bl-ebda mod ma tipprojbixxi membri parlamentari milli jkollhom ingaġġi mal-Gvern, tant li l-Kostituzzjoni stess tagħti lok li xi uffiċjali pubbliċi jistgħu jkollhom siġġu parlamentari u tagħti setgħa lill-Parlament li jilleġiżla u jneħħi iktar projbizzjonijiet.

 

L-analiżi toħroġ ukoll id-diversi drabi sa minn qabel l-Indipendenza li membri parlamentari setgħu jitqegħdu fuq bordijiet ta' entitajiet pubbliċi.

 

Filwaqt li teżamina wkoll dak li jseħħ f'pajjiżi barranin, kemm dawk li jħaddmu sistema politika u amministrattiva bħal ta' Malta u anki dawk li jħaddmu sistemi differenti, l-analiżi tispjega wkoll li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma għamel l-ebda distinzjoni bejn is-servizz pubbliku permanenti u ingaġġi temporanji bħal dawk fuq bażi ta' fiduċja, u lanqas ikkunsidra regolamentazzjoni introdotta biex tirregola dawn l-ingaġġi.

 

L-analiżi, madanakollu, ma tiqafx fi kritika tar-rapport ta' Dr Hyzler. Anzi tagħraf nuqqasijiet fis-sistemi eżistenti li ssemmew fir-rapport ta' Dr Hyzler, u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwarhom. Fosthom dwar ingaġġi fuq bażi ta' fiduċja, analiżi iktar fil-fond ta' entitajiet pubbliċi u f'liema bordijiet jistgħu jservu persuni li jkunu membri parlamentari u emendi għall-kodiċi ta' etika għall-impjegati fis-settur pubbliku u għall-membri tal-bordijiet.

 

Is-Sur Mario Cutajar ippreżenta din l-analiżi lill-Kabinett li ddiskuta u laqa' din il-pożizzjoni. Sussegwentament anke il-Grupp Parlamentari tal-Gvern tratta u addotta din il-pożizzjoni. Intant, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern Byron Camilleri talab laqgħa tal-Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex din l-analiżi tkun tista' tiġi diskussa wkoll fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

 

Verżjoni bl-Ingliż tal-analiżi tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u tal-pariri legali li jsostnu din l-analiżi qed tiġi wkoll ippubblikata ma' din l-istqarrija.

L-Analiżi tal-PPS.pdf

Analysis of the PPS.pdf

Kummenti tal-Avukat Generali dwar ir-Rapport tal-KSHP.pdf

Attorney General's comments on CSPL report.pdf

Parir Legali tal-Professur Ian Refalo.pdf

Legal Advice of Professor Ian Refalo.pdf