gov.mt

pr192460

PR192460

15/11/2019

STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA: Milħuq ftehim dwar il-membri u t-termini ta’ referenza tal-Inkjesta Pubblika Indipendenti dwar Daphne Caruana Galizia

Wara diversi laqgħat li saru bejn rappreżentanti tal-Gvern ta' Malta u l-familja ta' Daphne Caruana Galizia u r-rappreżentanti tagħhom, intlaħaq ftehim dwar bidliet kemm dwar il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika Indipendenti, u kemm dwar it-termini ta' referenza relattivi għall-istess Bord.

L-Imħallef Emeritu Michael Mallia se jibqa' jokkupa r-rwol ta' chairperson. Intlaħaq ftehim dwar il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bħala l-membri l-ġodda.

Il-Professur Ian Refalo u Dr Anthony Abela Medici, li kienu ġew nominati bħala membri fuq il-Bord, irtiraw l-aċċettazzjoni tagħhom biex iservu fuq il-Bord fid-dawl ta' dan il-ftehim.

Bħala sinjal ta' rieda tajba matul it-taħditiet ma kienx ġie amministrat il-ġurament meħtieġ bil-liġi qabel il-bidu tal-inkjesta lit-tliet membri tal-Bord.

Fid-dawl tal-fatt li l-Imħallef Abigail Lofaro hija wkoll membru sedenti tal-Ġudikatura, saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Prim Imħallef biex jiġu mitigati xi effetti negattivi li jista' jkun hemm fuq l-amministrazzjoni tal-każijiet attwali li għandha l-Imħallef Lofaro.

It-termini ta' referenza tal-Bord ta' Inkjesta Pubblika Indipendenti ġew ukoll varjati fid-dawl tad-diskussjonijiet bejn il-familja Caruana Galizia u l-gvern. It-termini ta' referenza riveduti qed jiġu ppubblikati ma' din l-istqarrija.

Il-gvern jirringrazzja lill-Professur Ian Refalo u Dr Abela Medici għar-rieda li urew biex ikunu ta' servizz, kif ukoll lill-Imħallfin Mallia, Said Pullicino u Lofaro għall-impenn li aċċettaw li jwettqu.

Preżenti għal-laqgħat li wasslu għal dan il-ftehim kien hemm il-Prim Ministru, l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Avukat Ġenerali għan-naħa tal-gvern, u l-Avukat Joseph Zammit Maempel, l-Avukat Therese Comodini Cachia u membri tal-familja Caruana Galizia.

PR192460a (Termini ta' Referenza).pdf