gov.mt

pr192539

PR192539

25/11/2019

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Il-Prim Ministru rrakkomanda lill-President ta' Malta biex joħrog maħfra lil Melvin Theuma bl-iskop illi jkun jista' jixhed dwar fatti magħrufa minnu dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li seħħ fis- 16 ta' Ottubru 2017 u reati oħrajn li Theuma kien involut fihom.

 

Il-maħfra hija soġġetta għal numru ta' kundizzjonijiet li jinħtieġu l-kooperazzjoni sħiha ta' Melvin Theuma biex toħroġ il-verità. Il-maħfra tista' tiġi rtirata jekk l-istess Melvin Theuma ma josservax il-kundizzjonijiet tagħha f'liema każ ikunu jistgħu jittieħdu passi kontra Melvin Theuma wkoll abbażi tal-informazzjoni mogħtija minnu stess.

 

Qabel ma għadda biex jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-President, il-Prim Ministru ħa l-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija.

 

Il-Prim Ministru ħa dan il-pass importanti fl-impenn biex jissolva d-delitt ta' Daphne Caruana Galizia.

 

Il-Prim Ministru hu infurmat li l-President ikkunsidra dan il-parir u ffirma din il-maħfra.