Id-dikjarazzjoni li mexxa 'l quddiem illum is-Sur Pieter Omtzigt, li serva bħala rapporteur tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u d-drittijiet tal-Bniedem fi ħdan l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia, rigwardanti l-inkjesta pubblika indipendenti li twaqqfet dwar l-istess omiċidju, hija għal darba oħra mifnija bi żbalji elementari, bħal per eżempju l-fatt li skont id-dikjarazzjoni, l-kariga ta' Kummissarju għall-NGOs hija dipendenti fuq il-Gvern tal-ġurnata meta fil-verità din hija protetta minn 'security of tenure' spjegat fil-liġi. Il-Gvern jinnota wkoll li s-Sur Omtzigt ma talabx il-veduti tal-Gvern qabel ma għadda biex mexxa 'l quddiem din id-dikjarazzjoni.
Is-Sur Omtzigt għandu problema kbira ta' kredibbiltà. Huwa magħruf għall-involviment li kellu xi snin ilu biex jgħin xhud falz fil-mod kif iwieġeb id-domandi u biex jinfiltra laqgħa li għaliha attendew il-qraba tal-vittmi tal-kraxx tal-ajruplan MH17. Il-Gvern ma jista' qatt ikollu fiduċja fl-integrità ta' xi ħadd li għandu track record bħal dan.
Il-Gvern minflok jirreferi għall-istqarrija li kienet ħarġet Marija Pejcinovic Buric, is-Segretarja Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-21 ta' Settembru li għadda, fejn kienet iddeskriviet il-ħatra ta' inkjesta pubblika indipendenti bħala żvilupp pożittiv.