gov.mt

pr200618

PR200618

06/04/2020

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, L-ISPORT U L-VOLONTARJAT Imnedija ‘#BeActive at Home’

​Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, nieda l-kampanja ‘#BeActive at Home’ bil-għan li żżomm lill-pubbliku attiv f’daru permezz tal-midja soċjali.​

Bħala parti mill-kampanja #BeActive, SportMalta ħarġet bi pjan ta’ kontinġenza fiċ-ċirkostanza tal-pandemija tal-Covid-19. Din l-inizjattiva se tinkludi numru ta’ filmati online ta’ sport u ta’ attività fiżika immirati lejn setturi differenti tas-soċjetà.
 
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal, “qed nilqa’ bis-sħiħ l-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol iebes li qed jintwera minn SportMalta u mill-isportivi biex dan kollu jista’ jseħħ bl-użu ta’ mezzi online. Dawn l-aħħar jiem urew il-professjonalità qawwija u l-impenn tal-isportivi fi żminijiet ta’ sfida bħal dawn.”
 
Is-Segretarju Parlamentari Grima ħeġġeġ lill-pubbliku li, għalkemm qegħdin fi djarna, ma jfissirx li m’għandniex nibqgħu b’saħħitna. Importanti li nżommu attivi għax l-isport u l-attività fiżika għandhom is-saħħa li jtejbu mhux biss is-saħħa fiżika, iżda wkoll is-saħħa mentali u l-benesseri ġenerali.
 
Is-segretarju parlamentari kkonkluda billi rringrazzja lill-isportivi kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida ta’ din is-sitwazzjoni bla preċedent. Esprima l-apprezzament tiegħu lill-istaff ta’ SportMalta li tant qed jagħtu sapport biex isir dan kollu.
 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li SportMalta għandha l-obbligu li twassal dan is-servizz. Qal li meta SportMalta ħarġet b’din l-inizjattiva, din tant ingħoġbot mill-Kummissjoni Ewropea, li stiednu lill-Ewropa kollha biex jagħmlu l-istess. 
 
Is-Sur Cutajar irringrazzja lill-ħaddiema ta’ SportMalta u lil dawk fl-amministrazzjoni li qed jaħdmu permezz ta’ teleworking talli żammew l-entità taħdem b’mod effiċjenti, u lil dawk il-ħaddiema li qed jagħmlu l-manutenzjoni neċessarja f’kull faċilità.
 
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li din is-sitwazzjoni bla preċedent ma tfissirx li m’għandniex insibu l-ħin biex nagħmlu eżerċizzju fiżiku biex nibqgħu attivi. Semma li f’dawn iż-żminijiet irridu nkomplu nimxu mal-missjoni ta’ SportMalta, li nċaqalqu l-pajjiż. Fl-aħħar nett ħeġġeġ lil kulħadd biex isegwi dawn il-filmati sabiex kulħadd jibqa’ b’saħħtu.
 
Il-filmati se jkunu qed jintwerew fuq il-paġna uffiċjali ta’ SportMalta (BeActive – SportMalta) u l-paġna uffiċjali ta’ ‘Edukazzjoni’ fuq Facebook. Dawn il-filmati se jkunu disponibbli wkoll fuq is-sit uffiċjali ta’ SportMalta kif ukoll fuq YouTube.