gov.mt

pr200679

PR200679

16/04/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI Dawk affettwati mill-Covid-19 jirċievu benefiċċju li jkopri sa 80% tal-kirja


 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li dawk affettwati mill-Covid-19 jistgħu jaċċessaw benefiċċju tal-kera li jkopri sa 80% tal-prezz tal-kirja.

 

Il-Ministru Galdes semma li dawk eliġibbli huma persuni li tilfu l-impjieg tagħhom, persuni li ġew sospiżi mix-xogħol b’mod temporanju u għalhekk qegħdin fuq unpaid leave, persuni self-employed li waqfilhom jew naqsilhom drastikament id-dħul tagħhom minħabba l-imxija tal-Covid-19 kif ukoll dawk l-individwi li qed jesperjenzaw vjolenza domestika.

 

Il-ministru ħabbar li mill-applikazzjonijiet li rċeviet sa issa l-Awtorità tad-Djar, jidher li 60% ta’ dawk li applikaw għal din il-miżura huma benefiċjarji eżistenti li issa se jkunu qed jaċċessaw benefiċċju tal-kera aktar għoli, filwaqt li 40% huma individwi li qed japplikaw biex jibdew jaċċessaw il-benefiċċju tal-kera. 72% tal-applikanti huma, jew inkella kienu, impjegati, filwaqt li 28% huma persuni self-employed.

 

“Ħdimt mal-policy team tiegħi fi ħdan il-ministeru biex inwessgħu l-benefiċċju tal-kera biex nassiguraw u nissalvagwardjaw id-dritt li l-familji tagħna jkollhom saqaf fuq rashom, u minnufih ftaħna l-bieb għad-diskussjoni mal-istakeholders kollha. Permezz ta’ din l-għajnuna qed ngħinu lis-settur kollu mhux lill-inkwilini biss. Aktar għajnuna lill-inkwilin tfisser li aktar inkwilini se jkunu kapaċi jonoraw il-pagament u b’hekk aktar sidien se jibqgħu jirċievu l-pagament. Intant, hawnhekk irrid nieħu spunt biex nirringrazzja lis-sidien kollha li qed ibaxxu l-kirjiet għal dan il-perjodu. Ġenerożità u solidarjetà f’dan iż-żmien diffiċli. Prosit u grazzi”, qal il-Ministru Roderick Galdes.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay semma li fl-aħħar ġimgħat ħareġ biċ-ċar li d-“Dar” hi verament l-ewwel linja ta’ difiża għal dan il-virus. Sostna li sa mil-bidu nett, l-Awtorità ħadet miżuri fuq tliet livelli differenti sabiex dan id-dritt fundamentali jkun salvagwardjat aktar u aktar f’mumenti bħal dawn. Is-Sur McKay elenka l-miżuri li ħadet l-Awtorità kemm bħala regolatur tas-settur tal-kirjiet residenzjali privati f’Malta, dawk relatati ma’ moratoria għall-persuni li fil-passat xtraw post mingħand l-Awtorità, kif ukoll dawk relatati mal-benefiċċju tal-kera.

 

Fuq din tal-aħħar, is-Sur McKay qal li minkejja li l-benefiċċju tal-kera kien diġà qed jgħin ħafna familji qabel ma feġġgħet il-Covid-19, xorta waħda kien hemm impenn li din l-għajnuna tiżdied b’mod immedjat għal min ġiet affettwata saħħtu jew l-impjieg tiegħu. Ikkonkluda li “dan il-benefiċċju hu direct injection fis-suq tal-kera. Dan għax filwaqt li bla dubju qed jgħin ħafna inkwilini, qed indirettament ukoll jgħin lis-sidien u jħalli r-rota ddur fi żmien meta xi inkwilini setgħu sabu diffikultà biex iħallsu l-kera ta’ kull xahar”.

 

“Qed nosservaw mill-qrib biex nifhmu kif il-Covid-19 qed taffettwa s-settur tal-housing u biex b’hekk inkunu nistgħu nkunu proattivi u naġixxu skont il-bżonn b’mod immedjat. Sintendi x-xogħol li qed nagħmlu ma jiqafx sa miżuri ġodda relatati mal-Covid-19. Intant, ix-xogħol fil-qasam tal-housing soċjali ma waqafx minħabba l-Covid-19, qed jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, iżda x-xogħol għadu għaddej b’ritmu tajjeb ħafna, tant li fl-aħħar ġimgħat għadu kemm tela’ r-raba’ u l-aħħar sular fuq 3 blokok fis-sit ta’ Birkirkara, filwaqt li f’Ħ’Attard għaddej ix-xogħol fuq it-tielet sular”, kompla l-Ministru Galdes.

 

​Il-ministru kkonkluda li matul dan il-perjodu, l-Awtorità tad-Djar baqgħet tirċievi reġistrazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ kirjiet residenzjali b’mod kostanti, tant li issa l-Awtorità tad-Djar irċeviet 8,000 reġistrazzjoni. Dan ifisser li kemm is-sidien u anke l-inkwilini qed jirrikonoxxu l-benefiċċji ta’ kuntratt reġistrat, hekk kif il-kuntratti jissalvagwardjaw lill-partijiet kollha. ​