gov.mt

pr200684

PR200684

17/04/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Jiġi estiż il-perjodu ta’ kwarantina fiċ-ċentru ta’ Ħal Far

Il-kwarantina fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se tkun estiża għal erbatax-il jum ieħor mill-aħħar data li fiha jinstab resident pożittiv għal COVID-19 qabel jew matul il-Ħadd 19 t’April 2020.

 

Din id-deċiżjoni ttieħdet fuq ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika wara li fiċ-ċentru nstabu numru ta’ persuni oħra pożittivi għal COVID-19.

 

Ir-residenti li nstabu pożittivi għal virus qed jingħataw kura f’ċentru mediku mmexxi mis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar f’binja viċin iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

 

F’parti oħra taċ-ċentru qed jinżammu persuni li jkun sarilhom swab test jew ikollhom il-ħtieġa li jinżammu iżolati minn persuni oħra fl-istess ċentru. Din il-parti taċ-ċentri hija amministrata mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar ukoll.

 

L-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu janalizzaw mill-qrib is-sitwazzjoni f’dan iċ-ċentru biex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet li jħarsu s-saħħa ta’ dawk li jgħixu fiċ-ċentru u tal-kumplament tas-soċjetà Maltija.

 

L-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS) li tmexxi dan iċ-ċentru qed tieħu numru ta’ miżuri sabiex tiffaċilita l-ħajja ta’ dawk li qed jintalbu jagħmlu l-kwarantina.

 

 ​