Il-ħidma tal-Aġenżija għall-Infurzar tal-Liġi biex jitwasslu mediċini fi
djar ta’ persuni anzjani f’dan il-mument ta’ sfida qed tilħaq żewġ għanijiet,
dan hekk kif dawn il-mediċini qed jitwasslu permezz ta’ vetturi ġodda li jieħdu
iktar ħsieb l-ambjent.
L-Aġenzija investiet aktar minn mitejn elf ewro fi flotta ġdida li waslet
fl-aħħar ġimgħat. Permezz ta’ sistema hybrid il-vetturi iniġġsu nqas u huma
iktar siguri u komdi għall-ħaddiema.
Dan kollu kien spjegat lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u
l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri waqt żjara li għamel fil-bini tal-LESA
fil-Fgura.
Hemm irrimarka kif l-uffiċjali tal-komunità tassew qed iservu ta’ appoġġ
għal komunità f’dan il-mument fejn daqskemm għandna bżonn id-dixxiplina għandna
bżonn is-solidarjetà. Fil-fatt, l-uffiċjali tal-komunità issa qed iqassmu
xirjiet lill-persuni vulnerabbli u persuni li jinsabu fi kwarantina mandatorja.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-ħaddiema li f’tebqa t’għajn aċċettaw
li jibdlu r-rutina u d-doveri tagħhom biex jassistu lil dawk l-aktar fil-bżonn.
“Il-ħaddiema tal-LESA tassew jixirqilhom l-isem ta’ uffiċjali tal-komunità għax
il-komunità sabithom meta kellha bżonn,” qal il-Ministru Camilleri. Rigward
l-investiment fi flotta ġdida, il-Ministru rrimarka kif jeħtieġ li entitajiet
governattivi jagħmlu investimenti simili sabiex inħarsu aktar l-ambjent ta’
madwarna.
Filmat: https://www.facebook.com/watch/?v=676534623146417