gov.mt

pr200695

PR200695

18/04/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tniedi l-kampanja ‘Oħlom issa ... żurna ’l quddiem’

​​

Filmati:

1. Spot tal-kampanja: 'Oħlom issa ... żurna 'l quddiem'
https://we.tl/t-wuylF8mNBF

 

2. Julia Farrugia Portelli – Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

https://we.tl/t-qZfm0R5usL

 

3. Carlo Micallef – Deputat Kap Eżekuttiv u ċ-Chief Marketing Officer tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu
https://we.tl/t-kQrCjnjXyq

 

4. Johann Buttigieg – Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu

https://we.tl/t-mc7B1fV13r

 

 

'Oħlom issa ... żurna 'l quddiem' hu l-isem ta' kampanja promozzjonali li nediet ilbieraħ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bil-għan li tfakkar lil turisti prospettivi dwar is-sbuħija li qed tistenniehom f'Malta ladarba jkun possibbli li wieħed jivjaġġa mill-ġdid. Permezz ta' filmat ta' minuta li nħadem f'14-il lingwa differenti, il-kampanja se tkun konċentrata l-aktar onlajn, u se tkun akkumpanjata minn serje ta' posts fuq il-midja soċjali li jwasslu l-istess messaġġ.

 

F'kumment dwar il-kampanja, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li, “Ħafna drabi, meta tiġi sfida bħalma qed niffaċċjaw bħalissa, it-tendenza umana hi li twaqqaf il-kampanji pubbliċitarji kompletament. Din ma kinitx il-filosofija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll tal-Gvern Malti. Anzi, bil-maqlub, ħsibna li noħolqu kampanja f'14-il lingwa, orjentata lejn oqsma differenti, bil-ħsieb li ndewqu lit-turist prospettiv ix-xeni tipiċi sbieħ tal-gżejjer Maltin, li jista' jarahom issa u jżurhom fiżikament aktar 'il quddiem."

 

Id-Deputat Kap Eżekuttiv u ċ-Chief Marketing Officer tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef żied li, “Minkejja li t-turiżmu internazzjonali jinsab wieqaf għar-raġunijiet li jaf kulħadd, il-ħidma tat-team tal-Marketing fi ħdan l-Awtorità baqgħet għaddejja bla waqfien u bħalissa qegħdin invaraw diversi kampanji f'pajjiżi differenti fejn hemmhekk inżommu lill-gżejjer Maltin fi ħsieb dawk li għada pitgħada se jerġgħu jkunu turisti lejn pajjiżna".

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg spjega li minbarra l-aspett tar-reklamar, l-Awtorità tinsab ukoll għaddejja b'ħidma sfiqa fuq proġetti immirati lejn titjib fl-infrastruttura, kif ukoll titjib fil-livell tas-servizz provdut lit-turist, permezz ta' korsijiet għall-impjegati li jaħdmu fis-settur turistiku. “Ma ninsewx li, hekk kif tgħaddi l-kriżi tal-COVID-19, il-kompetizzjoni bejn destinazzjonijiet turistiċi se tkun waħda qawwija. U għalhekk aħna rridu nkunu fuq ta' quddiem biex, flimkien mal-kollaboraturi tagħna fl-industrija, bħal-lukandi, ir-ristoranti u oħrajn, noffru l-aqwa prodott possibbli biex nerġgħu nattiraw it-turiżmu bħalma konna nagħmlu qabel ma faqqgħet il-pandemija".​