Diskussi pjanijiet prospettivi għas-settur tal-avjazzjoni
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella ltaqgħu għall-ewwel darba mal-Kumitat Konsultattiv dwar L-Avjazzjoni waqt laqgħa li fiha ġew diskussi pjanijiet prospettivi għas-settur tal-avjazzjoni.
L-għan tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Avjazzjoni huwa li jagħti pariri lill-ministru responsabbli għall-avjazzjoni biex jiżgura li l-industrija f’Malta tkompli tikber b’mod kwantitattiv kif ukoll titjieb kwalitattivament b’mod sostenibbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Minkejja l-impatt qawwi li l-pandemija kellha fuq l-industrija tal-avjazzjoni, issa li qed jidher xaqq ta’ tama li din nistgħu negħlbuha, is-settur tal-avjazzoni se jkun mill-ġdid qed jifforma parti essenzjali mill-istrateġija tagħna għall-irkupru ekonomiku. Illum għandna kumitat magħmul minn esperti fil-qasam tal-avjazzoni li żgur li bil-ħidma kollettiva tagħhom se jwasslu biex tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-gvern biex ikompli jiżviluppa u jmexxi ’l quddiem dan is-settur mhux biss billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet preżenti iżda anke dawk futuri flimkien mal-opportunitajiet li joffri dan il-pilastru ekonomiku; is-settur tal-avjazzjoni”.
L-ewwel laqgħa ta’ dan il-kumitat ħabtet eżatt nhar il-Jum Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili fejn bosta pajjiżi, fosthom Malta, ifakkru l-importanza tal-avjazzjoni ċivili għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Ta’ min jgħid li din is-sena pajjiżna fakkar il-105 sena minn meta tar l-ewwel ajruplan minn pajjiżna. Bosta snin wara, illum, is-settur jammonta għal parti sinifikanti tal-Prodott Gross Domestiku Malti u jsostni kważi 50,000 impjieg kemm b’mod dirett u anke indirett.
Il-Ministru Ian Borg semma wkoll kemm Malta hija ġurisdizzjoni ta’ fama għolja rigward reġistrazzjoni ta’ ajruplani u qal kif tul dawn l-aħħar snin rajna kemm iż-żieda fir-reġistrazzjonjiet tal-ajruplani kif ukoll fl-ammont ta’ azjendi kummerċjali li qed jibbażaw l-operat tagħhom f’Malta. Huwa kompla billi qal li r-reġistru Malti tal-avjazzjoni magħruf bil-marka 9H llum għandu total ta’ aktar minn 500 ajruplan irreġistrati taħt ismu kif ukoll erba’ linji tal-ajru ġodda ċċertifikati, bi tlieta oħra potenzjalment jiċċertifikaw lilhom nfushom fil-futur qrib.
Il-kunċett ta’ aviation leasing, proġett li kien imħabbar din is-sena flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, kien essenzjali u se jkompli jrawwem iċ-ċentru tal-avjazzjoni eżistenti permezz ta’ ftuħ ta’ opportunitajiet għall-inġiniera, għall-entitajiet legali li jassistu lil min irid jimraħ f’opportunitajiet ġodda f’pajjiżna, għall-interpriżi li joffru servizzi finanzjarji, għal dawk li joffru servizzi anċillari bħall-manutenzjoni tal-ajruplani u għas-setturi tal-ospitalità u tal-proprjetà fost l-oħrajn.
Min-naħa tiegħu, l-eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella qal li s-settur tal-avjazzjoni Malti huwa ċentrali għall-ekonomija tagħna u l-objettiv ewlieni tal-ministeru huwa li jkun hemm industrija sigura, kompetittiva u sostenibbli li tikkontribwixxi għall-ekonomija ġenerali Maltija.
Huwa qal li, “Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ Politika tal-Avjazzjoni Nazzjonali ppjanata li timmira li tiżgura l-elementi ta’ kwalità għolja, sigurtà, affidabilità, kompetittività u sostenibbiltà fl-oqsma tat-tkabbir ekonomiku, konnettività, intraprenditorija, impjiegi, protezzjoni tal-konsumatur u r-riċerka u l-innovazzjoni. Din hija waħda mill-ewwel prijoritajiet tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Avjazzjoni”.
Is-Sur Vella żied li l-Ministru Borg huwa determinat li jwassal għall-kordinazzjoni u għall-koperazzjoni aħjar bejn il-partijiet interessati ewlenin kollha fl-avjazzjoni kemm pubbliċi kif ukoll privati. Għal din ir-raġuni, prijorità oħra tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Avjazzjoni hija li titwaqqaf u tibda Forum tal-Partijiet Interessati fl-Avjazzjoni fejn il-partijiet interessati kollha jistgħu jikkontribwixxu u jkunu parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-politiki tal-avjazzjoni. Il-Forum tal-Partijiet Interessati fl-Avjazzjoni se tagħti wkoll l-opportunità lill-partijiet interessati kollha biex jinteraġixxu u jikkomunikaw dwar is-sinerġiji u l-interessi komuni tagħhom.