gov.mt

pr202571

PR202571

14/12/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: Inawgurat it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex

​​


“Irrid Għawdex li jkun bħal Malta – l-aqwa fl-Ewropa” – il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri inawguraw it-tieni fibre optic cable li jgħaqqad lil Għawdex mal-bqija tad-dinja. 

Il-konnettività tat-telekomunikazzjonijiet bejn Għawdex u Malta kienet tiddependi fuq konnessjoni waħda: cable tal-elettriku mikri mill-Enemalta. 

Biż-żieda enormi fid-domanda għal konnettività diġitali aċċessibbli, veloċi u affidabbli, kemm miċ-ċittadini kif ukoll min-negozji, is-soluzzjoni ta’ riżerva ideali kellha tkun dik ta’ fibre optic cable ieħor, li permezz tiegħu se tiġi pprovduta l-iktar komunikazzjoni diġitali u reżiljenti għall-gżira Għawdxija.

Studju kkummisjonat fl-2014 ikkonferma li hemm bżonn tiġi indirizzata l-isfida tal-konnettività permezz ta’ intervent mill-istat sabiex tiġi assigurata konnessjoni professjonali bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-Gvern ħaseb ukoll li jwaqqaf il-kumpanija Gozo Fibre Optic Cable Ltd, li ġiet fdata sabiex topera u żżomm ir-rabta l-ġdida minn tarf sa tarf. Din il-kumpanija nnegozjat u kkonkludiet b'suċċess ftehim ma’ tlett operaturi tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-Gvern għandu viżjoni sħiħa u ambizzjuża għal Għawdex. “Il-link diġitali li qed niftħu llum huwa eżempju tal-viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam. Għawdex irid ikun is-showcase tal-qalba diġitali. Huwa ċentru ovvju minn fejn nistgħu nwettqu din it-trasformazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna. Il-fibre optic cable huwa biss l-ewwel pass,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru stqarr li mhux biss kumpaniji fil-qasam tat-teknoloġija li se jibbenefikaw minn dan l-investiment. 

“Konnessjoni sigura se tipprovdi aktar opportunitajiet f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, ittestjar ta’ prototipi ġodda u l-industrija 4.0 fil-manifattura kif ukoll l-industriji marbuta mal-kreattività diġitali, biex insemmi xi wħud. L-attivitajiet u operazzjonijiet li b’mod ġenerali għandhom impatt aktar ikkontrollat fuq l-ambjent,” qal il-Prim Ministru.

Dr Abela nnota li ras għal ras, mill-2013 ’l hawn, il-Prodott Domestiku Gross għal Għawdex żdied minn nofs il-medja tal-Unjoni Ewropea għal kważi żewġ terzi. 

Hawnhekk, Dr Abela wiegħed li Għawdex se jaqbeż il-medja Ewropea, u jsir mera tal-mudell ekonomiku ġdid ta’ pajjiżna. 

Dr Abela rringrazzja lil Malta Enterprise, immexxija minn Kurt Farrugia, għall-impenn tagħhom lejn Għawdex u għax-xogħol iebes li sar biex jitlesta dan il-proġett b’suċċess, lil Gozo Fibre Optic Cablet Ltd immexxija mis-Sur Mario Galea li kien fost dawk li emmen bis-sħiħ f’dan il-proġett u lill-Elettra u Orange għax-xogħol li wettqu f’din l-infrastruttura l-ġdida. 

Huwa estenda r-ringrazzjament tiegħu lit-tlett operaturi tat-telekomunikazzjoni li emmnu f’dan il-proġett u li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom b’aktar effiċjenza b’risq ir-residenti f’Għawdex. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex se jgħin sabiex ikun attirat aktar investiment f’Għawdex relatat mal-gaming u l-internet u se jwassal biex Għawdex ikollu aċċessibbiltà mal-bqija tad-dinja. Fakkar kif fl-aħħar snin, l-ekonomija f’din il-gżira kibret b’rata mgħaġġla, tant li kellna tkabbir ekonomiku ikbar minn dak ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri stqarr li huwa ta’ sodisfazzjoni li wara ħidma ta’ diversi xhur, illum ġie inawgurat it-tlestija tat-tieni fibre optic cable f’Għawdex. Bħala Ministeru, nemmnu bis-sħiħ li dan l-investiment ser isaħħaħ il-kompetittività tal-gżira Għawdxija sabiex tkun tista’ tattira investiment ġdid li jwassal għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’Għawdex. “Għaldaqstant, bħala Ministeru responsabbli wkoll mill-ekonomija diġitali b’sinerġija ma’ diversi entitajiet, se nkomplu bil-ħidma sabiex Għawdex isir destinazzjoni importanti għal kumpaniji rinomati fil-qasam tat-teknoloġija,” qal il-Ministru Schembri. 

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li b’konnettività b’saħħitha bejn Malta u Għawdex, se jiggwadanjaw kemm in-negozji direttament relatati mat-teknoloġija kif ukoll setturi oħra essenzjali għall-kwalità tal-ħajja. Dawn jinkludu s-saħħa, l-edukazzjoni, il-manifattura u l-industriji kreattivi, fost oħrajn. “L-għan prinċipali tagħna huwa li noffru infrastruttura b’saħħitha għax nemmnu fil-potenzjal ta’ Għawdex bħala gżira li tiġġenera l-impjegi filwaqt li tibqa’ ambjentalment sostenibbli,” qalet il-Ministru Dalli.

Iċ-Chairman tal-Gozo Fibre Optic Cable Ltd Mario Galea qal li, permezz tal-ftuħ ta’ dan il-cable, se jkunu qed jinfetħu opportunitajiet ta’ negozji fl-ekonomija diġitali, fir-remote gaming, fin-niċeċ tad-digital nomads u f’ħafna setturi li jirrikjedu l-appoġġ ta’ digital transmission. Is-Sur Galea qiegħed iħares ’il quddiem sabiex jara l-ekonomija Għawdxija aktar b’saħħitha u robusta.