Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200326

PR200236

27/02/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: Il-PBS bi ftehim mar-RAI li jiftaħ il-bibien għal tisħiħ fil-kooperazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema

​​​​​​Il-Public Broadcasting Services (PBS) u Radiotelevisione Italiana (RAI) saħħew il-kooperazzjoni ta’ ħidma bejniethom fil-qasam tax-xandir permezz ta’ ffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil li sar f’Ruma. Dan ġie ffirmat miċ-Chairperson tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS, Tonio Portughese, u mill-Kap Eżekuttiv tar-RAI, Fabrizio Salini. Iċ-ċerimonja saret fis-sede amministrativa tar-RAI waqt laqgħa li fiha ħadu sehem il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li fost l-oħrajn huwa responsabbli mix-xandir nazzjonali, u l-President tar-RAI, Marcello Foa.​

Il-ftehim jiftaħ il-bibien għal programmi ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tat-televiżjoni, tar-radju, u tal-internet, li jkunu jinkludu l-parteċipazzjoni ta’ ġurnalisti Maltin fl-iskola tal-ġurnalizmu tar-RAI f’Perugia;  kooperazzjoni fit-taħriġ professjonali fis-settur tal-komunikazzjoni lill-ħaddiema tal-PBS, skambju  ta’ produzzjonijiet televiżivi u tar-radju; u sehem f’esebizzjonijiet bi produzzjonijiet u dokumentarji f’attivitajiet speċjali organizzati mir-RAI.
 ​
Wara l-iffirmar tal-ftehim, id-delegazzjoni Maltija f’Ruma, immexxija mill-Ministru Carmelo Abela u akkumpanjata minn Dr Portughese u l-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles Dalli, ġew mistiedna jżuru l-faċilitajiet u l-istudios fiċ-ċentru prinċipali tar-RAI ta’ Saxa Rubra waqt ix-xandir live tal-aħbarijiet u programmi televiżivi popolari ta’ matul il-jum. Huma ltaqgħu mat-tim tat-tmexxija, mal-ġurnalisti u mal-ekwipaġġ tekniku fejn qasmu informazzjoni fuq il-metodi ta’ ħidma.
 
Il-Ministru Abela semma l-importanza li Malta u l-Italja jaħdmu aktar flimkien fuq diversi temi u issa anke fejn tidħol il-kwalità tax-xandir u fuq kif il-PBS, permezz ta’ kollaborazzjoni fil-livell nazzjonali u anki internazzjonali, jista’ jsaħħaħ dan flimkien mat-taħriġ tal-istaff tal-PBS. Qal kif wara produzzjonijiet ta’ livell għoli bħalma joffri l-istazzjon tar-RAI ikun hemm ħafna ħila, ħin, u xogħol. Saħaq li permezz ta’ din il-kooperazzjoni l-ħiliet tal-istaff tal-PBS se jkomplu jitrawmu permezz tal-ħiliet u l-esperjenza ta’ dawk li jaħdmu mar-RAI.  
 
Ic-Chairman tal-PBS, Tonio Portughese, stqarr li dan il-ftehim jirrikonoxxi snin ta’ kollaborazzjoni bejn ix-xandir pubbliku ta’ Malta u tal-Italja, żewġ pajjiżi b’għanijiet komuni fi ħdan il-European Broadcasting Union. Huwa radd ħajr lil Simona Martorelli, Direttriċi Internazzjonali tar-RAI, u lill-Kap Eżekuttiv tal-PBS, Charles Dalli, għat-twettiq tal-programm  strateġiku, kif ukoll lill-Ministru Carmelo Abela għal kemm jemmen fil-PBS.
 
Wara l-impenji mar-RAI, il-Ministru Carmelo Abela kellu laqgħa mal-Kardinal Peter Turkson, Prefett tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-bniedem fi ħdan is-Santa Sede. Fil-kapaċità tiegħu ta’ Ministru responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli, huwa qasam mal-Kardinal Turkson ideat dwar l-aħjar prattiki b’rabta’ mal-għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda, li huma wkoll marbuta mal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fost it-temi diskussa, tkellmu dwar l-ekonomija soċjali sostenibbli; twemmin soċjali li jara l-iżvilupp fis-soċjetà ta’ integrazzjoni f’kull tip ta’ relazzjoni, valuri morali u soċjali fin-negozju u fl-ekonomija, l-ekonomija ċirkulari li tpoġġi l-valur ta’ kull ħaddiem u tnaqqis ta’ inugwaljanza fiċ-ċentru tagħha. Huwa kien akkumpanjat mill-Konsulent Ekkleżjastiku Onorarju Fr. Edmond Caruana.
 
Bħala l-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali, il-Ministru Abela kellu mbagħad laqgħa bilaterali mal-Ministru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali tal-Italja, Nunzia Catalfo. Huma ddiskutew, fost l-oħrajn, kif il-pajjiżi jistgħu jinkoraġġixxu iżjed parteċipazzjoni tal-mara fis-suq tax-xogħol, il-futur tal-ħolqien ta’ impjiegi fid-dawl tal-ħolqien ta’ prodotti teknoloġiċi ġodda li qed iġibu bidla kbira fil-mod ta’ kif isiru ċertu prattiki fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Ministru Abela qasam magħha wkoll il-ħidma tal-Gvern Malti fuq il-miżura tal-manifest elettorali ta’ ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur indaqs u l-gender pay gap. Għal din il-laqgħa il-Ministru Abela kien akkumpanjat, fost l-oħrajn, mir-Direttur tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg is-Sinjura Diane Vella Muscat.