Fid-9 ta' Lulju 2020, waranofsinhar, ġejt infurmat uffiċjalment minn żewġ membri tal-Oppożizzjoni fil-Kamra li minn votazzjoni b'mod sigriet li kienu żammew irriżultalhom li l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni fil-Kamra tad-Deputati kienu wrew li m'għadx għandhom fiduċja f'Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni fil-Kamra tad-Deputati.
Dawn iż-żewġ membri, li skont huma kienu qegħdin jirrappreżentaw lill-sħabhom li ma kienx għad għandhom aktar fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni Dott. Adrian Delia, issottomettew li skont il-Kostituzzjoni, l-imsemmi Dott. Adrian Delia kellu jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.
Infurmawni wkoll li dawn l-istess membri kienu wrew fiduċja fil-Membru Parlamentari Dott. Therese Commodini Cachia, u kienu qegħdin iressqu isimha biex tiġi kkunsidrata biex tieħu l-ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni flok Dott. Adrian Delia.
Jien immedjatament żammejt laqgħa ma' Adrian Delia, u wara li smajt il-fehmiet u l-opinjonijiet tiegħu, infurmajtu li kont se nagħmel sensiela ta' konsultazzjonijiet personali mal-Membri Parlamentari kollha tal-Oppożizzjoni, biex jiġu stabbiliti l-fatti.
Dawn il-laqgħat saru bħala sensiela ta' laqgħat, bejn id-9 u l-10 ta' Lulju 2020, li fihom kull membru parlamentari fl-Oppożizzjoni, minbarra li ngħata ċ-ċans kollu biex jesprimi l-opinjoni tiegħu, jew tagħha, u jagħmel/tagħhmel dawk is-suġġerimenti li dehrilhom xierqa, jinfurmawni b'mod ċar jekk kellhomx jew le aktar fiduċja f'Adrian Delia, biex jibqa' l-Kap tal-Oppożizzjoni, u jekk ridux jew le li Therese Commodini Cachia eventwalment tieħu din il-kariga Kostituzzjonali.
Iltqajt personalment ma' 25 mill-Membri tal-Oppożizzjoni u ħadt ir-reazzjonijiet tagħhom a viva voce diretta. Tliet Membri oħra kellimthom personalment bit-telefon, tnejn għaliex kienu msefrin, u wieħed b'rispett lejn l-istat ta' saħħtu.
Minn dan l-eżercizzju rriżulta li mit-28 Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, 16 iddikjaraw li m'għadx għandhom fiduċja f'Dott. Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. 11 il-Membru ddikjaraw li għandhom fiduċja f'Dott. Delia. Kien hemm membru parlamentari wieħed li stqarr li huwa ried jastjeni.
Dan ir-riżultat ikkonferma l-fatt li Dott. Adrian Delia kien tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Partit fl-Oppożizzjoni li għandu l-akbar forza numerika fil-Kamra.
L-Artikolu 90 (4) tal-Kostituzzjoni ta' Malta jgħid:
'Jekk, fil-ġudizzju tal-President, membru tal-Kamra tad-Deputati li ma jkunx il-Kap tal-Oppożizzjoni, ikun sar il-Kap fil-Kamra tal-Partit fl-Oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza numerika fil-Kamra jew, skont il-każ, il-Kap tal-Oppożizzjoni jkun temm milli jkollu l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta' membri f'oppożizzjoni' għall-Gvern, il-President għandu jħassar il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni.'
Minkejja li din l-isfiduċja fl-ebda ħin ma ġiet iddikjarata jew irreġistrata fil-Kamra minn dawn il-membri, jibqa' l-fatt li l-figuri kkonstatati minni, jagħtuni l-konfort, li dak mitlub mill-Art. 90 (4), jiġifieri t-telfien tal-appoġġ tal-maġġoranza fil-Kamra, jeżisti, u fil-ġudizzju tiegħi huwa bażi biżżejjed biex wieħed jikkontempla kif japplika l-Artikolu 90 (4).
Qabel wieħed jiddeċiedi, irid iqis l-istadji li jsegwu wara li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet.
Fil-każ li jiġi deċiż li titħassar il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti, tqum mill-ewwel il-mistoqsija dwar min se jkun, jew jista' jkun dak jew dik li tokkupa din il-pożizzjoni.
Il-Kostituzzjoni fl-Artikolu 90 tgħid li: 'Għandu jkun hemm Kap tal-Oppożizzjoni'.
Dan ifisser li dan ir-rwol kostituzzjonali ma jistax jitħalla battal; għall-anqas mhux għal xi żmien twil.
Meta wieħed jibda biex iqis fiċ-ċirkostanzi preżenti, min jikkwalifika għal din il-ħatra, irid jiġi kkunsidrat l-Artikolu 90 (2), li jgħid:
'Kull meta jkun hemm lok għal ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni, il-President għandu jaħtar -
- Jekk ikun hemm Partit tal-Oppożizzjoni wieħed li l-forza numerika tiegħu fil-Kamra tad-Deputati tkun akbar mill-forza ta' kull partit ieħor ta' oppożizzjoni, il-Membru tal-Kamra tad-Deputati li jkun il-Kap ta' dak il-partit; jew…'
Dan is-subartikolu jagħmilha ċara li r-rwol ta' Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata lill-Kap tal-Partit li jkollu l-akbar forza numerika ta' membri fl-Oppożizzjoni għall-Gvern. Jispeċifika wkoll li dan japplika 'Kull meta jkun hemm lok għal ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni'.
Hi x'inhi l-interpretazzjoni ta' dan is-subartikolu minn esperti kostituzzjonali, żgur li fil-każ preżenti, jekk jiġi deċiż li l-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti jiġi mneħħi mill-kariga, minkejja li jkun għadu fil-fatt Kap tal-Partit tiegħu, kif imsemmi f'dan is-subartikolu, ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għalih li jusufruwixxi minn dan il-provvediment.
Jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jitneħħa mill-kariga bis-saħħa tal-Art 90 (4), u immedjatament, jew aktar tard, jiġi maħtur mill-ġdid Kap tal-Oppożizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 90 (2), u ċ-ċirkostanzi ma jkunux inbidlu, tkun qiegħda tinħoloq sitwazzjoni anomala li żgur mhux dak li tixtieq il-Kostituzzjoni, u lanqas ma jkun fl-ispirtu tal-kostituzzjoni. Artikoli u subartikoli fil-Kostituzzjoni, u aktar u aktar fl-istess kapitolu, u fl-istess artikolu, mhumiex intiżi u lanqas mistennija li jikkontradixxu lil xulxin fit-twettiq tagħhom.
Il-kunsiderazzjoni li xi ħadd ieħor, f'dan il-każ membru li jkun sar il-Kap fil-Kamra tal-Partit tal-Oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza numerika fil-Kamra, u li jkollu l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta' membri f'oppożizzjoni għall-Gvern, imma li ma jkunx il-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni, ukoll issib diffikultajiet, għaliex filwaqt li n-nomina mill-ġdid ta' Kap tal-Oppożizzjoni li jkun għadu kemm tneħħa tmur kontra l-ispirtu tal-kostituzzjoni, din l-għażla tmur manifestament kontra l-kelma u l-ittra tal-kostituzzjoni.
Jidher ċar li din is-sitwazzjoni toħloq imblokk legali u kostituzzjonali.
Jekk jiġi deċiż li l-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti tiġi mħassra, imma ma jkunx possibbli li dan ir-rwol kostituzzjonali jiġi mimli skont il-liġi, jirriżulta f'sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm Kap tal-Oppożizzjoni. Din is-sitwazzjoni ma tkunx tenibbli fit-tul u lanqas ma hija mixtieqa f'demokrazija.
Id-dilemma qiegħda bejn li wieħed jimxi mal-kelma tal-Kostituzzjoni u joħloq sitwazzjoni li tmur kontra l-Kostituzzjoni, jew li jikkunsidra s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda speċjali u jadotta miżuri speċjali.
Għalhekk fil-ġudizzju tiegħi minkejja li Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta' membri parlamentari f'oppożizzjoni għall-Gvern, biex ir-rwol ta' Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax vakanti, Delia m'għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni għaliex għadu jgawdi l-pożizzjoni ta' Kap ta' dan l-akbar partit fl-oppożizzjoni.
Għalhekk din id-deċiżjoni għalissa twaqqaf id-diskussjoni dwar min għandu jew għandha, jiġi jew tiġi maħtur jew maħtura bħala l-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni, inkluż il-proposta tal-Membri Parlamentari fl-Oppożizzjoni li naħtar lil Therese Commodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li ma toħnoqx li titkompla diskussjoni sana dwar x'miżuri jistgħu jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tikkoreġi ruħha.
Il-President huwa dejjem attent għal kull żvilupp li jista' jseħħ.
Fid-dixxerniment tiegħi żammejt ukoll f'moħħi li kwalunkwe deċiżjoni finali li nasal għaliha tkun tirrispetta l-ħarsien tal-andament demokratiku u l-ambjent seren li wieħed irid jara jirrenja fil-Parlament tagħna u fil-pajjiż inġenerali.
Is-sitwazzjoni li nħolqot bit-talba lill-President biex jikkunsidra l-implikazzjonijiet tal-fatt li numru maġġoritarju ta' Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni wrew nuqqas ta' fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni hija bla preċedent. Wieħed jawspika li jittieħdu miżuri, u jseħħu żviluppi li jgħinu biex tiċċara aktar is-sitwazzjoni.
Każi speċjali bħalma għandna quddiemna, jimmeritaw trattament speċjali fejn jista' jiġi invokat il-Prinċipju ta' Neċessità.
In-neċessità li jkompli jkun hemm kontinwità fit-tħaddim tas-sistema parlamentari tagħna, tiġġustifika fl-opinjoni tiegħi l-bżonn li wieħed jiddipartixxi mill-kelma miktuba tal-Kostituzzjoni.
Jiena konxju u nħoss l-obbligu u r-responsabbiltà li nħares l-istabbiltà u l-kontinwità fil-pajjiż.