gov.mt

pr201422

PR201422

24/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Investiment ta’ madwar €7.6m għal proġetti ta’ restawr fil-Kottonera

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield ħabbru programm ta' 25 proġetti li ser jibdew bejn l-2020 u l-2021, b'investiment ta' madwar €7.6m. Dawn il-proġetti se jsiru mill-Fondazzjoni flimkien mad-Direttorat tar-Restawr.

 

“Il-Kottonera hija kollha parti mill-patrimonju importanti nazzjonali tagħna u għalhekk jistħoqqilha attenzjoni partikolari, kif qed jingħatalha. L-investiment ta' €7.6m li ħabbarna ser jgħin bil-kbir biex inkomplu nirriabilitaw din iż-żona. Kull investiment magħmul hawn għandu valur ekonomiku qawwi peress li jkompli jgħinna nixprunaw l-investiment barrani u nsaħħu wkoll is-settur turistiku," qal il-Ministru Herrera. Semma li skont stħarriġ li sar, nofs it-turisti li jiġu Malta jiġu minħabba l-aspett kulturali u patrimonjali tagħna. Il-Ministru Herrera fakkar li apparti dawn il-25 proġett, hemm żewġ proġetti maġġuri oħra għaddejjin fil-Kottonera, Fort Ricasoli u l-Cottonera Lines.

 

“Privileġġ għalija li nħabbar lista ta' xogħlijiet ta' restawr li qed nagħmlu għall-Kottonera. Bħala gvern impenjati biex inħallu l-Kottonera ta' għada aħjar minn kif sibnieha aħna u għalhekk li ħejjejna strateġija li qed tkun implimentata", qal Glenn Bedingfield. “Apparti xogħlijiet ta' restawr fit-Tlett Ibliet u l-Kalkara din is-sena bdew ikunu restawrati s-swar ta' Santa Margerita,  il-Cottonera Lines u l-Fortizza ta' Ricasoli li se jkunu qed jassorbu l-parti l-kbira tal-fondi għar-restawr", żied is-Sur Bedingfield.

 

Il-25 proġett imħabbra kienu kif ġej: Fl-Isla se jsir restawr: fil-koppla u fuq il-kampnar tal-Knisja ta' San Filippu, fil-Każin tal-Banda La Vincitrice, statwi, Porto Salvo Gate, is-saqaf tal-Knisja Parrokkjali u ser jitneħħa l-periklu minn Triq is-Sur sa Boiler Wharf. F'Bormla se jsir restawr: tal-Mitħna ta' San Ġwann t'Għuxa, tal-ħajt storiku ta' Xatt ir-Risq, tal-Mitħna ta' Santa Margerita, tal-Kappella tan-Natività, tal-koppla u tal-fanal tal-Knisja ta' San Pawl, tal-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura, tal-Knisja Santa Tereża, tal-fanal ta' Verdala School, tas-sur ta' San Ġwann, San Ġwann Almonier, l-imħażen ta' San Ġwann t'Għuxa u St Helen's Curtain.

 

Fil-Birgu ser isir restawr: f'Santa Margerita Lines, tal-bitħa ta' Auberge de France, tal-istatwa ta' San Lawrenz, parti ta' fuq ta' Notre Dame Gate u ta' Auberge d'Angleterre. Fil-Kalkara se jsir restawr ta' diversi niċeċ u Ricasoli se jsir restawr fuq diversi swar u casemates.​