Riżultati, Policy tal-allokazzjoni, u Rifużjonijiet
L-Accountant General iħabbar li sad-data tal-għeluq fil-5.00 p.m. tal-Ħamis, 16 ta' Lulju 2020, it-Teżor irċieva 13,043 applikazzjoni għall-valur nominali ta' €109,723,900, waqt li l-ammont tal-ħruġ kien ta' €60 miljun soġġett li l-ammont jiżdied sa massimu ta' €35 million, f'każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont tal-ħruġ.
It-Teżor qiegħed jeżerċita d-dritt li jżid l-ammont tal-ħruġ skont artikolu 11 tal-prospett, sabiex l-ammont totali li se jiġi allokat jiżdied sa massimu ta' €95 miljun.
It-tabella ta' hawn taħt turi s-sottoskrizzjonijiet magħmula minn (i) applikanti ġodda (Kategorija 'A') u (ii) detenturi eżistenti ta' xi wieħed mit-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta li nħarġu fil-passat:
| 62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta - Ħruġ 2020 | Applikanti ta' Kategorija 'A' * | Applikanti ta' Kategorija 'B' ** | Total |
| | | | |
| Numru ta' applikazzjonijiet mitfugħa | 2,909 | 10,134 | 13,043 |
| | | | |
| Ammont totali nominali sottoskritt | €25,308,500 | €84,415,400 | €109,723,900 |
ac
*Applikanti ta' Kategorija 'A': Applikanti eliġibbli ġodda li twieldu fis-sena 1958 u individwi li twieldu qabel l-ewwel ta' Jannar tal-1958 li kienu eliġibbli li japplikaw f'xi waħda mill-ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta tas-snin ta' qabel iżda ma applikawx;
**Applikanti ta' Kategorija 'B': Detenturi eżistenti tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta maħruġa f'dawn l-aħħar tliet snin, u li isimhom kien jidher fir-reġistru f'għeluq il-ġurnata ta' negozju tal-Ġimgħa, 5 ta' Ġunju 2020.
Kif stipulat fl-artikolu 12 (a) tal-prospett, se tingħata preferenza lill-applikanti ġodda kklassifikati taħt Kategorija 'A'. F'dan ir-rigward, dawn l-applikanti se jiġu allokati l-ammonti kollha li applikaw għalihom. Wara li jiġu allokati l-bonds lill-applikanti ta' Kategorija 'A', it-Teżor se jalloka l-ammont li jifdal mill-ammont ta' €95,000,000 bejn l-applikanti ta' Kategorija 'B'. L-allokazzjoni tal-bonds għall-dawn applikanti se tkun kif ġej;
- applikanti li applikaw sa €7,700 se jintlaqgħu kollha;
- applikanti li applikaw għall-ammont ta' aktar minn €7,700 se jiġu allokati minimu ta' €7,700 kull applikant, flimkien ma' ammont addizzjonali ta' 4% fuq il-bilanċ li ma ġiex allokat, aġġustat 'il fuq għall-eqreb €100. Bħala eżempju, it-tabella ta' hawn taħt turi l-allokazzjoni tal-bonds lill-applikanti ta' Kategorija 'B' għall-ammonti differenti li applikaw, ibbażata fuq il-policy tal-allokazzjoni kif deskritta aktar 'l fuq.
| KAT. 'B' | € | € | € | € | € | € | € | € | € | € |
| Ammont tal-applikazzjoni | 10,000 | 9,000 | 8,000 | 7,000 | 6,000 | 5,000 | 4,000 | 3,000 | 2,000 | 1,000 |
| Ammont allokat | 7,800 | 7,800 | 7,800 | 7,000 | 6,000 | 5,000 | 4,000 | 3,000 | 2,000 | 1,000 |
Għaldaqshekk, it-Teżor qiegħed jalloka l-ammont ta' €25,308,500 bejn l-applikanti l-ġodda kklassifikati f'Kategorija 'A' u €69,488,300 bejn l-applikanti li diġà huma detenturi f'xi wieħed mill-bonds tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta' Malta li nħarġu qabel ikklassifikati f'Kategorija 'B'. L-ammont totali li se jiġi allokat bejn dawn iż-żewġ kategoriji se jkun ta' €94,796,800.
Kif stipulat fil-prospett, l-imgħax fuq l-ammont allokat beda jakkumula mill-21 ta' Lulju 2020. Aktar tagħrif u informazzjoni jistgħu jinkisbu mir-riżultat tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2020, li ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor www.treasury.gov.mt.
Rifużjonijiet
Huwa ppjanat li r-rifużjonijiet li jammontaw għas-somma ta' €14,927,100 fi flus mhux allokati lill-applikanti ta' Kategorija 'B' li l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx aċċettata kollha se jitħallsu nhar it-Tnejn, 3 ta' Awissu 2020, permezz ta' kreditu bankarju taħt l-iskema SEPA fl-IBAN indikat mill-applikant fl-applikazzjoni.