Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jagħmlu referenza għall-ħlas ta' benefiċċji temporanji b'rabta mal-Covid-19.
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi, din l-aħħar ġimgħa n-numru ta' applikazzjonijiet ġodda kien minimu ħafna, waqt li komplew jiżdiedu dawk li waqqfu l-benefiċċju għax irritornaw għax-xogħol. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musu.
Tħabbar illi l-applikazzjonijiet ġodda issa jinsabu magħluqa ħlief għall-persuni li jitilfu l-impjieg b'kawża diretta tal-Covid-19. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati b'mod dirett wara li jkunu rreġistraw mal-Jobsplus.
Il-ħlas temporanju tal-Benefiċċju ta' Ġenitur u dak Addizzjonali għal Diżimpjieg għalissa se jibqa' jsir kull ġimgħa, iżda se jkun qed jitwaqqaf b'effett mill-Ġimgħa, 3 ta' Lulju 2020, liema pagament dakinhar ikun ikopri l-perjodu mis-27 ta' Ġunju sat-3 ta' Lulju 2020.
Il-ħlas temporanju tal-Benefiċċju tad-Diżabiltà u dak Mediku se jitwaqqaf b'effett minn għada, il-Ġimgħa, 5 ta' Ġunju 2020, liema pagament li qed isir propju llum ikopri l-perjodu mit-30 ta' Mejju sal-5 ta' Ġunju 2020.
Naturalment il-Benefiċċju Kontributorju tal-Qgħad u l-Għajnuna Soċjali għal Diżimpjieg, li huma benefiċċji u għajnuniet permanenti, jibqgħu jitħallsu lil dawk eleġibbli skont il-każ.
Bil-proċess ta' ħlas li sar din il-ġimgħa, is-somma totali f'benefiċċji issa telgħet għal €13.2m, inkluż il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon sostna li l-benefiċċji temporanji marbuta mal-Covid-19 kienu ta' għajnuna kbira għall-eluf ta' persuni li f'dan il-perjodu ta' diffikultà kellhom bżonn sostenn finanzjarju għal raġuni jew oħra waqt li għinnihom jibqgħu fl-impjieg. Huwa qal li issa jħares 'il quddiem sabiex dawn il-persuni jibdew gradwalment jirritornaw għax-xogħol kif jinsab ċert li huma jixtiequ.
Huwa qal li l-madwar 8,400 persuna li se jkunu tħallsu dawn il-benefiċċji bejn il-bidu ta' Marzu u l-bidu ta' Lulju se jkunu rċevew b'kollox madwar €17.5m f'benefiċċji fi ftit anqas minn erba' xhur. Il-Ministru Falzon saħaq li dawn il-flus ingħataw lil dawn il-familji meta l-aktar kellhom bżonnhom, imma issa wasal iż-żmien li kulħadd kien qed jistenna li nerġgħu nibdew immorru għal normalità ġdida.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu sostna li x-xejra ta' dawn l-aħħar ġimgħat kompliet anke din il-ġimgħa, fejn issa hemm 711-il persuna li kienu qed jirċievu xi wieħed mill-benefiċċji u rritornaw għax-xogħol, inkluż 234 li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u waqfu għax sabu xogħol.
Huwa qal li l-benefiċċji tal-Covid tħallsu b'żieda ma' benefiċċji oħra li dawn il-persuni setgħu kienu qed jirċievu skont il-każ, bħal Children Allowance, In-Work Benefit, Għajnuna Supplimentari, Tapering tal-Benefiċċji jew Assistenza għal Diżabilità. Is-Sur Musu fakkar li l-perjodu li fih dawn il-persuni se jkunu tħallsu l-benefiċċji temporanji marbuta mal-Covid-19 se jkun kopert bil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, liema kontribuzzjonijiet se jkunu swew madwar €1.75m.