“Għada se jkun verament aħjar mil-lum" – il-Prim Ministru Robert Abela
“Fiż-żmien fejn kulħadd kien qed jaħseb li kien se jiddomina d-dlam, qegħdin naraw id-dawl. Dan il-pjan ta' riġenerazzjoni li qegħdin iniedu llum huwa pjan ta' viżjoni, pjan ta' direzzjoni li jinċentiva lil min jinvesti, lil min jonfoq – dan huwa mument sabiħ għall-pajjiżna. Għada verament se jkun aħjar," stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministri Edward Scicluna u Silvio Schembri, fejn ġie mniedi pjan ta' riġenerazzjoni ekonomika ta' €900 miljun.
Il-Prim Ministru spjega li dan il-pjan ta' riġenerazzjoni b'saħħtu fih tliet pilastri ewlenin:
- Li jitnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji u jagħtu aktar finanzjament;
- Li tingħata spinta lid-domanda domestika;
- Li jingħata sostenn dirett lill-industrija filwaqt li ninċentivaw ix-xogħol.
Dr Abela saħaq li, filwaqt li rreġistrajna suċċess totali fil-qasam tas-saħħa, bl-istess mod ħdimna dwar l-ekonomija. Filwaqt li ħadna l-mizuri kollha mil-lat ta' saħħa, ħdima fis-settur ekononimu. Nedejna żewġ pakketti ekonomiċi – għamilnihom ħalli nippreservaw l-impjiegi tagħna u nagħmluhom aktar riżiljenti. Nedejna l-wage-suppliment u differiment tat-taxxi. Għamilna mizuri bil-ħsieb ewlieni li meta jgħaddi kollox ikunu up and running. Għax konna bilgħaqal illum, qegħdin f'qagħda li nniedu dan il-pjan biex nagħmlu pass ieħor qrib in-normalità sħiħa, spjega l-Prim Ministru Abela.
Il-Prim Ministru, min-naħa tiegħu, ħabbar dawn il-miżuri:
- Il-Covid Wage Supplement se jibqa' kif inhu sa Settembru, fejn se tinżamm ir-rata ta' benefiċċju ta' €800 għall-full-time u €500 għall-part-timers f'oqsma involuti mal-akkomodazzjoni turistika, aġenziji tal-ivvjaġġar, skejjel tal-lingwi, organizzazzjoni ta' events u trasport bl-ajru. Għall-kumplament tan-negozji li se jibqgħu fuq Annex A, se jibdew jirċievu €600 u €375 għall-part-time, filwaqt li se jkun hemm oħrajn li se jimxu minn Annex A għal Annex B;
- Rifużjoni ta' 50% tal-kontijiet tad-dawl lin-negozji għal tliet xhur (Lulju, Awwissu u Settembru) sa massimu ta' €1,500 kull applikant;
- Tnaqqis ta' seba' ċenteżmi fil-prezz tal-petrol u d-diesel;
- Ir-rata tat-taxxa tal-boll fuq xiri ta' proprjetà sa €400,000 se tonqos minn 5% għal 1.5% fuq kuntratti li se jiġu ffirmati bejn id-9 ta' Ġunju u l-31 ta' Marzu tas-sena d-dieħla;
- It-taxxa għal dawk li qegħdin ibigħu proprjetà li qed tiġi żviluppata jew dawk il-kuntratti li jsiru wara l-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Marzu 2021 se tonqos minn 8% għal 5%;
- €50 miljun għal spejjeż ta' kirjiet sa massimu ta' €2,500 għal kull negozju;
- Voucher ta' €100 għal kull persuna minn 16-il sena 'l fuq li jista' jintuża f'post ta' akkomodazzjoni liċenzjat, restoranti jew negozju li kien għalaq.
“Konvinti li għada se jkun aħjar mil-lum. Grazzi lin-negozji ta' kemm ħdimna flimkien, kburi bil-ħaddiema, negozji u bil-poplu," temm jgħid il-Prim Ministru.
Min-naħa tagħhom, il-Ministri Edward Scicluna u Silvio Schembri ħabru l-kumplament tal-miżuri kif ġej:
- Se nestendu sal-aħħar ta' Awwissu d-differiment ta' ħlas tat-taxxi. Il-ħlas b'lura tal-kontribuzzjonijiet u taxxi differiti se jinfirxu fuq tnax-il xahar. Din il-miżura se tħalli €200 miljun f'likwidità;
- Il-Gvern se jagħti tax refund lil 210,000 ħaddiem li ħadmu tul l-2018. Din il-miżura se tiswa €11.5 miljun;
- Koppji li kellhom jipposponu t-tiġijiet tagħhom se jingħataw għajnuna sa massimu ta' €2,000. Għal din l-iskema hemm allokazzjoni ta' €2 miljun;
- Se jkompli jitjib l-in-work benefit b'aktar għotjiet lill-koppji li t-tnejn jaħdmu, single parents u koppji fejn jaħdem ġenitur wieħed biss;
- Se jingħata wkoll suppliment speċjali ta' €250 għal kull familja li tibbenefika mill-in-work benefit. Il-modifiki kollha tal-in-work benefit se jiswew madwar €4 miljun;
- Se jkun hemm allokazzjoni ta' €3 miljun għall-Għaqdiet Volontarji f'pajjiżna;
- Se tingħata għajnuna ta' €2 miljun lid-djar tal-anzjani bħala rikonoxximent għall-impenn tagħhom;
- Permezz tal-Bank Malti tal-Iżvilupp qed titħejja faċilità ġdida ta' underwriting ta' bonds ta' intrapriżi privati li se jagħlqu din is-sena;
- Se ngħinu lil dawk li investew fin-negozji tagħhom billi naqilbu sa 30% tat-tax credits permezz tal-iskema Microinvest f'għotjiet. B'kollox se jitqassmu €5 miljun. In-negozji f'Malta se jingħataw sa massimu ta' €2,000, filwaqt li negozji f'Għawdex u dawk immexxija min-nisa se jingħataw sa €2,500;
- Se jingħataw lura l-liċenzji kummerċjali li laħqu tħallsu. Din il-mizura se tħalli sostenn ta' madwar €5 mijun;
- Finanzjament ta' €5,000 għal kull negozju, l-aktar żgħar, sabiex isiru business plans ġodda u re-engineering tan-negozju tagħhom. Spiża ta' €2.5 miljun fejn kull negozju se jgawdi sa €5,000;
- Ser ngħinu b'taħriġ għall-ħaddiema għal kumpaniji li jħaddmu inqas minn 50 ħaddiem b'allokazzjoni ta' €5 miljun fil-programm eżistenti ta' 'Skills Development Scheme';
- Se tingħata rifużjoni ta' 33% fil-port charges għal dawk il-vapuri li jġibu merkanzija lejn pajjiżna imma mhux transshipment;
- Se tingħata rifużjoni ta' 10% fuq il-container discharge fees għall-importazzjoni u l-esportazzjoni imma mhux transshipment;
- Se tingħata għajnuna sa €10,000 lin-negozji li qegħdin jinvestu f'kampanji ta' promozzjoni diġitali fi swieq ġodda barranin filwaqt li se tingħata rifużjoni sa 80% tal-ispejjeż li għamlu negozji li kienu se jieħdu sehem f'fieri internazzjonali. Hemm allokati €400,000 għal din il-miżura;
- Għajnuna lil dawk il-kumpaniji li jħarsu lejn swieq ġodda b'allokazzjoni ta' €10 miljun biex issir skema ta' export credit guarantee;
- €4 miljun sabiex l-industrija tal-kostruzzjoni tkun tista' timmodernizza l-makkinarju tagħha għal wieħed aktar effiċjenti u li jħares l-ambjent. Kull negozju se jingħata sa massimu ta' €200,000;
- Se nagħtu l-pjattaforma biex negozji Maltin u Għawdxin żgħar jippromwovu lilhom infushom filwaqt li se jingħata l-għajnuna lill-prodott lokali b'investiment ta' €5 miljun;
- Se jsir qafas legali sabiex kumpaniji żgħar u medji jippubblikaw informazzjoni mhux finanzjarja ħalli tgħin biex investituri li għandhom interessi ambjentali, soċjali u favur governanza jinvestu b'mod aħjar;
- Investiment ta' €400 miljun f'faċilitajiet u infrastruttura industrijali. Fost il-proġetti; estensjoni ta' Life Sciences Park b'investiment ta' €98 miljun, upgrade tal-Kordin Business Incubation Centre €14-il miljun, investiment fl-eks-landfill tal-Marsa €51 miljun u hub loġistiku ġdid b'invesiment ta' €110 miljun.
Dan il-pakkett ta' mizuri huwa l-ikbar injezzjoni li qatt għamel dan il-Gvern fl-istorja ta' pajjiżna.
Permezz ta' dan il-pjan, pajjiżna se jkompli s-suċċess ekonomiku, b'riżultat li jkollna Għada Aħjar.