PR201148

17/06/2020

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, L-ISPORT U L-VOLONTARJAT Proġett sportiv b’investiment ta’ €9 miljun fil-Marsa


Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima ħabbar proġett sportiv b'investiment ta' €9 miljun li se jkun parti mill-proġett ta' hub sportiv ta' livell internazzjonali fil-Marsa b'medda ta' 60,000m2.

 

Waqt żjara fuq is-sit, is-Segretarju Parlamentari seta' jara fejn se jinbnew il-binjiet li fihom se jkun jista' jintlagħab u ppratikat il-weightlifting, netball u l-ġinnastika u kif il-binja magħrufa bħala '1903' se tiġi rrestawrata u se tinbidel f'uffiċini u ristorant.

 

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat policy ġdida tal-ippjanar sabiex ikun permess li l-Kumpless Sportiv tal-Marsa u l-madwar tiegħu jinbidlu f'hub sportiv ta' livell internazzjonali li se jkun maqsum f'erba' żoni u se jinkludi faċilitajiet sportivi għal diversi dixxiplini sportivi fosthom il-ġinnastika u weightlifting.

 

Huwa saħaq li f'żona oħra, l-art se tintuża primarjament għal faċilitajiet ta' livell internazzjonali relatati mat-tiġrijiet taż-żwiemel, sport ekwestri, żoni ta' taħriġ u stalel. Faċilitajiet anċillari fi ħdan din iż-żona  jistgħu jinkludu tribuna, klabbs, assemblaġġ u divertiment.

 

Is-segretarju parlamentari qal li f'żona oħra l-art se tkun relatata mal-faċilitajiet tal-golf u akkademja tal-golf u se jkun hemm żona li se tinkludi faċilitajiet relatati mad-dixxiplini sportivi tat-tennis, squash u cricket.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta Mark Cutajar qal li permezz ta' faċilitajiet ta' dan il-livell għoli, bħalma huma ċ-Ċentru tal-Ġinnastika u ċ-Ċentru ta' Squash u Weightlifting, SportMalta ser tkun qed tkompli tagħti servizz lill-isportivi biex ikollhom għażla akbar fejn wieħed jipprattika u jikkompeti. Huwa kompla jgħid li f'realtà fejn l-għan prinċipali ta' SportMalta huwa li żżid in-numru ta' nies li jipprattikaw sport, faċilitajiet bħal dawn huma neċessità sabiex tintlaħaq din il-mira.​​