gov.mt

pr200447

PR200447

10/03/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

“Nenfassiza s-serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi" – il-Prim Ministru Robert Abela

 

Imħabbra miżuri oħra b'rabta ma' Covid-19

 

“Nenfassiza s-serħan il-moħħ, is-serħan il-moħħ li ma hemm l-ebda ħtieġa ta' paniku, fejn bħala pajjiż ninsabu preparati. Għalhekk qed nenfassizzaw il-kalma u t-trankwilità. Il-prijorità tal-gvern hija s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi."

 

Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta' Kastilja fil-presenża tal-kabinett tal-ministri.

 

Dr Robert Abela qal li bħala gvern nifhmu li wara t-tħabbira tal-bieraħ kien hemm residenti Maltin li spiċċaw maqbudin fl-Italja u mill-ewwel bdejna bl-arranġamenti sabiex jinġiebu lura kemm bl-arju u l-baħar. Kull min ġej lura mill-Italja se jkun meħtieġ li jsegwi perjodu ta' kwarantina ta' 14-il ġurnata. L-istess jgħodd għal dawk il-persuni li qabel ilbieraħ kienu ġejjin mill-Italja, per eżempju jekk persuna ġiet minn Sqallija ġimgħa ilu, din il-persuna trid tosserva l-perjodu li jifdal tal-kwarantina, spjega l-Prim Ministru.

 

Dr Robert Abela saħaq li f'dak li għandu x'jaqsam mal-merkanzija tal-prodotti tal-ikel, mediċini u xorb, dawn se jibqgħu deħlin b'mod normali, kemm bl-ajru, bil-baħar u anke l-Katamaran. B'hekk nassiguraw provvista adegwata tal-ikel u mediċini u allura ċ-chain of supply tkun garantita b'mod normali. Dan filwaqt li jkun hemm l-iċċekkjar tax-xufiera b'mod mediku u wkoll ġiet meħuda d-deċiżjoni li n-numru ta' persuni li jkunu qed isuqu trakkijiet b'merkanzija għal Malta se jkun limitat għal żewġ persuni, spjega l-Prim Ministru.

 

Se nibqgħu nirrakkomandaw li ma jkunx hemm non-essential travel lejn pajjiżi milquta mill-virus, qal il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li ħabbar kif avvenimenti tal-massa li jsiru fil-miftuħ, fejn fihom hemm mistennija li jkun hemm aktar minn 2,000 persuna ma jsirux. Avvenimenti fuq ġewwa ma jistgħux jeċċedu s-750 persuna, dan sakemm ma jkunx hemm avviż mod ieħor, spjega Dr Abela.

 

Il-Prim Ministru tenna li din hija sitwazzjoni fluwida li qegħdin inqisuha mhux jum għal jum imma siegħa b'siegħa. Jekk ikun hemm bżonn li jitħabbru aktar miżuri, dawn se jkunu qed isiru minn ħin għal ħin u minn żmien għal żmien, sostna Dr Abela.

 

Il-Prim Ministru ħabbar li ġie maħtur Kumitat bejn il-Ministri u tekniċi oħra fuq l-ekonomija u t-turiżmu ta' pajjiżna sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilqgħu għall-impatt. Għandna ekonomija b'saħħitha u li tiflaħ għal dan l-impatt u ta' dan irid inserraħ ras in-nies.

Nixtieq nirringrazzja lil ħaddiema kollha li qed jaħdmu iżda fl-aħħar irid nagħti l-kuraġġ sabiex negħlbu din l-isfida, qal Robert Abela.

 

Il-Prim Ministru saħaq li waqt laqgħa tal-Kabinett illum ġew diskussi l-aħħar żviluppi b'rabta ma' Covid-19 kemm f'pajjiżna iżda anke fuq livell globali, u b'mod partikolari ġew diskussi l-aħħar miżuri li ġew imħabbra lbieraħ mill-gvern dwar restrizzjonijiet ta' trasport bejn Malta u l-Italja kemm bl-arju u anke bil-baħar.

 

Il-Prim Ministru qal li preżenti għal-laqgħa tal-Kabinett illum kien hemm il-Professur Charmaine Gauci li tat il-pariri professjonali u mediċi tagħha sabiex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet.​​