Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbru li l-Gvern flimkien ma’ Steward Health Care għaddejjin bi preparamenti estensivi bil-għan li fl-eventwalità li Għawdex jintlaqat minn każijiet ta’ coronavirus, pazjenti Għawdxin ikunu jistgħu jingħataw il-kura f’Għawdex stess. F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex tkellmet wkoll Dr Nadine Delicata, Chief Operating Officer ta’ Steward Health Care.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għal Għawdex ħabbru li għal dan il-għan fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex se jkun hemm disponibbli 123 sodda filwaqt li fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-istress sptar se jkun hemm 13-il sodda minn 20 speċifikament għal persuni li jistgħu jintlaqtu mill-COVID-19.
S’issa diġà hemm preparati madwar nofs dawn is-sodod bil-kumplament mistennija jkunu tħejjew fi żmien ġimagħtejn. Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li l-Iskola Medika ta’ Barts, li tinsab fil-viċinanzi immedjati tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ukoll qegħda tagħti l-għajnuna tagħha. Tobba u infermieri li se jkunu allokati għall-kura ta’ pazjenti fl-eventwalità ta’ pazjenti milqutin mill-COVID-19 qegħdin jingħataw it-taħriġ meħtieġ fl-iskola medika. Sadattant pazjenti b’immunità baxxa qegħdin ukoll jinżammu għall-kura fl-iskola medika.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-anzjani li kienu fil-isptar ta' Sant’Anna se jiġu trasferiti f’residenza adekwata fir-Rabat ftit metri ’l bogħod mill-Isptar, li kienet mgħammra bl-esiġenzi kollha għal dar tal-anzjani. Wara evalwazzjoni professjonali flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, dan il-post kien identifikat bħala l-aktar post ideali minħabba diversi raġunijiet.
Il-Ministru Camilleri elenka dawn ir-raġunijiet, fejn fost l-oħrajn qal li “hemm 80 sodda f’daqqa li huma disponibbli immedjatament u f’binja waħda u f’każ li jkun hemm bżonn, hemm il-possibbiltà li nżidu 20 sodda oħra. Dan il-post minbarra li huwa viċin għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa akkomodazzjoni liċenzjata. Tqieset ukoll bħala l-post ideali minħabba l-fatt li għandha waste area iżolata, servizzi u faċilitajiet oħra li huma meħtieġa f’dar tal-anzjani u kapaċi toffri servizz tajjeb u livell tajjeb ta’ kumdità.” Hawnhekk enfasizza li dan kollu qed nagħmluh għall-ġid tal-anzjani tagħna sabiex ikunu f’post differenti u mhux ġewwa l-isptar.
Il-Ministru għal-Għawdex Clint Camilleri qal li “l-Gvern ser jibqa’ jesplora aktar soluzzjonijiet kemm-il darba jkunu meħtieġa aktar sodod kemm għall-pazjenti tal-COVID-19, kemm għal aktar anzjani f’postijiet oħra kif ukoll akkomodazzjoni għall-istaff mediku u nies vulnerabbli. Huwa qal li f’dan il-mument, is-saħħa tal-poplu tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne qal li jittama li l-preparamenti vasti li qegħdin isiru jkunu saru għal xejn u għal dan il-għan appella għall-koperazzjoni tal-pubbliku biex ikunu segwiti l-miżuri maħsubin biex kemm jista’ jkun tkun kontrollata l-firxa tal-coronavirus.
Fi tmiem il-konferenza tal-Aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru wkoll iċ-Ċentru tat-Testijiet ta’ swabbing f’Għawdex li beda jaħdem fil-jiem li għaddew u li jinsab fil-helipad tax-Xewkija Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lill-ħaddiema li f’dawn l-aħħar jiem għamlu diversi xogħlijiet sabiex dan iċ-ċentru seta’ jibda jopera u filwaqt li fakkar fid-diversi miżuri li qegħdin jittieħdu temm billi serraħ ras il-poplu Għawdxi li kontinwament għaddejjin bil-preparameni, u Għawdex bħal Malta jinsab lest għal kull eventwalità.