F’konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni dalgħodu, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u
Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej
Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru l-ftuħ tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet
għal miżuri ffinanzjati mill-fondi tal-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni
Ewropea.
Dawn huma għajnuniet f’pagamenti diretti għall-bdiewa u r-raħħala, li jikkomprendu skemi marbutin mal-attività agrikola fir-raba’, kif ukoll
maż-żamma ta’ baqar tal-ħalib, bhejjem taċ-ċanga, kif ukoll mat-tkabbir
tat-tadam għall-ipproċessar.
Dawn l-għajnuniet huma intiżi sabiex jgħinu d-dħul finanzjarju tal-bidwi u
jagħtu xi ftit iżjed serħan il-moħħ dwar id-dħul tal-bidwi Malti sabiex
il-produzzjoni ssegwi t-talbiet tas-suq.
Waqt il-konferenza, il-Ministru tkellem dwar ħidmet il-Ministeru
fir-rigward tal-Politika Agrikola li, għas-snin 2021-2027, bħalissa għaddejin
diskussjonijiet importanti ħafna, sabiex din l-għajnuna tkun tista’ mhux biss
tkompli iżda ukoll tissaħħaħ. Dan apparti skemi għall-għajnuna kurrenti taħt
il-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020 b’obbligi
agro-ambjentali jew ta’ biedja organika volontarji, u dik għall-biedja f’żoni
fl-Ewropa li jitqiesu b’restrizzjonijiet naturali fejn tidħol il-biedja, li
Malta u Għawdex jikkwalifikaw għal dan bis-sħiħ.
Minħabba ċ-ċirkostanza preżenti li lkoll qegħdin ngħixu, l-Aġenzija
tal-Pagamenti Agrikoli u Rurali ser tkun qiegħda tibgħat aktar minn 6,500
applikazzjoni personalizzata b’dawk l-iskemi ideali li jikkwalifika għalihom
kull individwu, sabiex il-proċess ikun wieħed sempliċi u fejn kull ma jkun
jeħtieġ huwa biss firma. Ser jintbagħat ukoll self-addressed envelope sabiex
ikun faċli li wieħed jibgħat l-applikazzjoni lura.
Madanakollu, ser tibqa’ tingħata għajnuna permezz tat-telephone fuq
in-numru 22926148 mill-uffiċjali tal-Front Office f’Ta’Qali u
mill-uffiċju tax-Xewkija f’Għawdex. Is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet
jistgħu jsiru wkoll online billi żżur is-sit tal-Aġenzija għall-Pagamenti
Agrikoli u Rurali fuq arpa.gov.mt.
Waqt il-konfereza tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi
Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi u sostna li Malta preżentament talloka ‘l fuq
minn €129 miljun ewro fuq il-programm tal-Iżvilupp Rurali. Dan il-programm
jagħmel enfasi fuq l-impatt ambjentali u għalhekk jinċentiva lill-bdiewa tagħna
biex jibdlu l-metodi eżistenti ta’ kif joperaw. Dan it-tibdil jirriżulta
f’iktar spejjeż għall-bdiewa, u b’hekk permezz ta’ dawn il-iskemi
agro-ambjentali l-għajnuna finanzjarja tkun tista’ tiffaċilitalhom il-proċess.
Is-segretarju parlamentari saħaq li permezz tal-fondi Ewropej, il-bdiewa tagħna
se jkunu ppremjati talli jimpenjaw ruħhom lejn prattiki li jipprovdu benefiċċju
ambjentali akbar. Huwa kompla jgħid li din is-sena ħa jkunu qed jiġu ffirmati
300 kuntratt ġdid, li se jkunu qed jorbtu lill-bidwi għal perjodu ta’ ħames
snin.
L-impenn tal-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet
tal-Annimali jibqa’ dak li jindirizza l-ħtiġijiet tas-sajjieda, tar-raħħala u
tal-bdiewa u dan b’ħidma konkreta u li tħalli r-riżultati meħtieġa.