gov.mt

pr200580

PR200580

30/03/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Miżuri ġodda b’rabta mal-imxija tal-Covid-19

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, ħabbar miżuri ġodda b'rabta mal-imxija tal-Covid-19. Avviż Legali ġdid mhux se jippermetti iktar minn gruppi ta' tliet persuni flimkien f'postijiet pubbliċi. Dan ma jgħoddx għall-persuni li jgħixu fl-istess residenza. 

Min jinqabad jikser din il-liġi se jiġi mmultat mitt ewro għal kull persuna li jkun hemm fil-grupp. Din il-liġi mhux se tapplika għal nies li jkunu qegħdin jistennew fil-kju f'bank jew bus stop. Iżda, dawn iridu jżommu distanza ta' mill-inqas żewġ metri.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru spjega kif dawn il-miżuri ġew diskussi waqt laqgħa tal-Kabinett bil-għan li jonqos it-tixtrid tal-Coronavirus. Il-preżenza tal-pulizija fit-toroq se tiżdied filwaqt li f'żoni rurali se joħorġu wkoll il-pulizija bil-kavallerija u t-taqsima tal-klieb biex ikunu jistgħu iferrxu lin-nies. Fost il-miżuri tħabbar ukoll li se jiġi limitat s-servizz tal-wifi fi spazji pubbliċi, bil-għan li ma jinġemgħux ħafna nies fl-istess post.

“Mhux se naċċettaw li xi ċittadin irresponsabbli jfixkel din il-ħidma li fuq quddiemnett tagħha hemm ukoll eluf ta' ħaddiema fis-settur tas-saħħa," saħaq il-Ministru Camilleri. Hu spjega kif il-pulizija ma jistgħux ikunu kullimkien il-ħin kollu għalhekk il-Gvern qed jintroduċi dawn il-multi. Għal darba' oħra il-Ministru appella sabiex kulħadd jikkopera u jirrispetta l-pariri tal-Awtoritajiet.


pr200580a.jpg