Sodisfatt li wasal dak il-mument fejn sebaħ jum isbaħ mill-bieraħ – il-Prim Ministru Robert Abela
Mit-Tnejn jerġgħu jiftħu mill-ġdid għadd ta' negozji bi prekawzjoniet
Se jerġgħu jibdew jingħataw għadd ta' servizzi tas-saħħa
Se jibqa' jingħata l-wage supplement
B'effett mit-Tnejn 4 ta' Mejju, għadd ta' stabbiliment kummerċjali u attivitajiet jistgħu jerġgħu jiftħu u jibdew joperaw mill-ġdid b'għadd ta' prekwazjonijiet wara li b'mod gradwali u abbażi ta' evidenza xjentifika se jibdew jitneħħew uħud mill-miżuri restrittivi li ddaħħlu b'suċċess fil-ġimgħat li għaddew biex jilqgħu għall-pandemija tal-Covid-19.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela f'konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta' Kastilja flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmane Gauci li matulha sostna wkoll li llum, propju f'Jum il-Ħaddiem, jinsab sodisfatt li wasal dak il-mument, fejn sebaħ jum isbaħ mill-bieraħ u li l-pajjiż beda t-triq għal normalità ġdida.
Il-Prim Ministru qal li f'dawn l-aħħar ġimgħat pajjiżna għadda minn perjodu diffiċli li qatt m'għadda minnu minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
“Ninsab kburi iżda b'kemm pajjiżna ħadem tajjeb, b'poplu solidali u magħqud u li ħarisna is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, lin-negozji tagħna, l-impiegi tal-ħaddiema tagħna, sabiex meta jasal dak il-mument li l-affarijiet jibdew jirritornaw għan-normal, ikunu lesti biex jilqgħu għall-isfidi ġodda", qal il-Prim Ministru.
Dr Abela qal li dejjem kellu tama u emmen li jum isbaħ kien ser jasal ma jdumx fuq pajjiżna.
“Emmint fil-Maltin u l-Għawdxin għax kelli fiduċja sħiħa fl-awtoritajiet tas-saħħa tagħna, fil-mod kif ippreparajna ruħna għal dak li kien ġej fuqna u ma nqbadniex fuq sieq waħda", stqarr il-Prim Ministru.
Fuq kollox tenna l-fiduċja tiegħu fil-mod kif il-poplu kien responsabbli u obda d-direttivi li ngħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa, anke jekk dan kien ifisser sagrifiċċju mhux żgħir.
Il-Prim Ministru qal li waħda mir-raġunijiet ewlenin li tat riżultat tajbin mill-aspett mediku kienu l-miżuri restrittivi li ddaħħlu fosthom l-għeluq tal-ajruport, il-portijiet, diversi stabbilimenti kummerċjali, u t-twaqqif ta' attivitajiet oħra.
Qal li l-Gvern ħadem biex jinżamm bilanċ bejn li l-miżuri jkunu effettivi bla ma jkunu restrittivi żżejjed u bla ma ħoloq tbatija żejda.
Il-Prim Ministru qal li suċċess ieħor kien il-fatt li l-miżuri ddaħħlu b'mod xjentifiku u meqjus la kmieni żżejjed, u lanqas tard iżżejjed, imma fil-mument opportun.
“Kburi li ż-żmien tani raġun li kontra ħafna kurrenti, irreżistejt is-sejħa għal lockdown u minkejja li m'għamilniex lockdown, ġibna riżultati li saħansitra l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tatna ċertifikat bħala mudell li d-dinja trid tħares lejh fejn tidħol il-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19", sostna l-Prim Ministru waqt li rrimarka li l-lockdown kien ikun ifisser tbatija kbira għall-poplu, dwejjaq, tkissir tal-ekonomija u telf kbir ta' impiegi.
Saħaq li din is-sitwazzjoni ma seta' qatt jippermettiha iżda refagħha b'responsabbiltà.
Il-Prim Ministru wissa li ma jfissirx li għadda kollox, imma li bdejna t-triq lura lejn normalità ġdida fejn is-suċċess f'dan l-istadju jiddependi minn kemm il-poplu se jkun responsabbli u dixxiplinat billi jsegwi l-prekawzjonijiet.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern mexa dejjem mal-pariri mediċi u l-pariri xjentifiċi li ngħatajna u hekk qed jerġa' jiġri llum biex innaqqsu dawn ir-restrizzjonijiet.
Qal li huwa kruċjali l-poplu Malti jibqa' jikkopera b'responsabbiltà kif għamel sa mill-bidu ta' din l-imxija. Qal li l-pjan hu li jekk kollox imur sew, sa mhux aktar tard minn tliet ġimgħat oħra jkomplu jitneħħew il-miżuri restrittivi biex sal-aħħar tax-xahar ikollna l-maġġoranza tal-istabbilimenti kummerċjali miftuħin. Madankollu ddikjara li l-ajruport mhux se jkun miftuħ sal-aħħar tax-xahar.
Dwar il-pakkett finanzjarju li nieda l-Gvern li permezz tagħhom ġew salvati 'l fuq minn 80,000 impjieg, il-Prim Ministru qal li l-wage suppliment ta' €800 fix-xahar, se jibqa' jingħata għax il-Gvern għandu fiduċja fin-negozji u l-ħaddiema. Qal li kien ikun inġust li nwaqqfu dan l-għajnuna fl-immedjat.
Il-Prim Ministru temm billi rringrazzja lill-frontliners kollha li ħadmu f'dan il-mument tant diffiċli u għadhom qed jaħdmu b'dedikazzjoni sħiħa. Huwa ta ħajr ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi li f'għaqda, obda d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Qal li bħal dejjem il-poplu Malti u Għawdxi wera li kemm hu kapaċi jqum għall-isfida u joħroġ rebbieħ.
Fl-intervent tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li r-reviżjoni tal-miżuri setgħet isseħħ għax żammejna n-numri kkontrollati tant li dak li hu magħruf bħala l-Rfactor niżel taħt il-wieħed. Qal li għalhekk b'mod intelliġenti nistgħu nnaqqsu xi miżuri u xorta nibqgħu nħarsu s-saħħa tal-poplu Malti.
Id-Deputat Prim Ministru qal li mit-Tnejn li ġej, waqt li se nżommu l-preparamenti għall-virus, se jibdew jiddaħħlu lura s-servizzi tas-saħħa fosthom it-tilqim tat-tfal miċ-ċentri tas-saħħa, l-iscreening għall-kanċer tal-għonq tal-lutru u wara jibda tas-sider u tal-musrana l-kbira.
Mit-Tnejn ukoll f'Mater Dei se jibdew isiru l-endoskopiji, se jiżdiedu l-appuntament tas-CT scans u l-MRIs u jibda b'mod limitat serivzzi marbuta mal-mard tal-qalb.
Id-Deputat Prim Ministru elenka wkoll il-ħwienet li jistgħu jerġgħu jiftħu l-t-Tnejn li jinkludu, il-banek tal-lottu, l-istazzjonijiet tal-VRT, ħwienet tal-ħwejjeġ, ħwejjeġ sportivi, ġojjellerija, tal-basktijiet u oġġetti tal-ġilda, taż-żraben, tan-nuċċalijiet bla riċetta, tal-fwejjaħ, tal-prodotti ta' sbuħija, tal-ħjata, tad-dekorazzjonijiet tad-djar, tas-souvenirs, discount stores, bagalji, ġugarelli, tal-passatempi, tal-għamara, li jbigħu l-fjuri.
Ħabbar ukoll li mit-Tnejn li ġej se jerġgħu jibdew il-vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex fejn il-passiġġieri se jintalbu jilbsu maskla u se jinfetaħ ukoll ir-reġistru tal-Qorti.
Qal li l-ftuħ ta' dawn l-istabbiliment se jkun marbut ma għadd ta' restrizzjonijiet fosthom li kull min jaħdem u jidħol f'dawn il-ħwienet, ħa jintalab jilbes maskla u anke kull min jitla' fuq il-karozzi tal-linja.
Fl-isetss waqt qal li trid tinżamm il-miżura tas-social distancing u b'hekk l-ammont ta' persuni fil-ħanut se jkun limitat.
Qal li b'diskussjoni mal-kunsilli lokali se jkun hemm immarkat fl-art pożizzjoni ta' żewġ metri distanza li trid tinżamm minn persuna għal oħra.
L-Indafa tal-idejn se tibqa' imporatnti u għalhekk l-użu tas-sanitizers qabel ma' persuna tidħol fil-ħanut.
Dwar id-dħul fix-shopping malls se jiddaħħal l-obbligu li tittieħed it-temperatura. Huwa żied jgħid li se jkun hemm ukoll obbligu li changing rooms ma jintużawx.
Mit-Tnejn ukoll se jkunu permessi gruppi ta' erba' persuni f'salt flok tlieta f'post pubbliku.
Id-deputat Prim Ministru appella biex kulħadd josserva dawn ir-rakkomandazzjoniiet u wissa li l-virus għadu magħna u għadu perikoluż u jista' joqtol. Aappella wkoll lill-persunai vulnerabbli biex jibqgħu joħorġu biss għall-affarijiet essenzjali.
Min-naħa tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li dawn il-miżuri jistgħu jibdew jitnaqqsu għax imxejna fuq għadd ta' prinċipji ta' saħħa pubblika, fosthom dħul b'kawtela ta' miżuri proporzjonati li ma ħallewx impatt kbir fuq is-saħħa tal-persuni u tal-ekonomija. Waqt li ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa saru 'l fuq minn elf test u nstabu biss żewġ każijiet ġodda, qalet li l-każijiet f'Malta huma stabbli u l-għadd ta' trasmissjonijiet lokali huma baxxi. Hija qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa se jibqgħu jimmoniterjaw b'reqqa dak li qed jiġri fil-komunita tagħna u saħqet li huwa kruċjali li jkollhom l-informazzjoni dwar kull każ ġdid.
Il-Professur Gauci tenniet li l-awtoritajiet imxew ukoll bil-prinċipju ta' trasparenza u għalhekk il-pubblika kkopera mal-pariri li ngħataw.
Hija żiedet tgħid li biex wasalna għall-mizuri tal-lum kien hemm ħidma fuq evidenza b'għadd ta' kriteriji li ngħataw piż differenti.
Dwar il-ftuħ ta' ċertu ħwienet, hija qalet li dawn se jiftħu f'normalità ġdida fejn se tibqa' tapplika l-miżura tas-social distancing u numru ta' nies limitat bbażat fuq il-kriterju ta' persuna waħda biss għal kull 10 metri kwardri. Qalet li dan irid jitwaħħal fuq barra tal-ħanut.
Hija temmet tappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex jimxi mal-istruzzjonijiet li qed jingħataw biex ma nitilfux dak li ħdimna għalih u li rnexxielna niksbu flimkien.