gov.mt

pr200810

PR200810

03/05/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U NEGOZJI ŻGĦAR Il-Gvern iffissa prezz massimu għal disposable surgical masks u face shields fl-aqwa interess tal-konsumatur

Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar irċieva diversi rapporti dwar abbużi fil-bejgħ u l-prezzijiet ta' disposable surgical masks u face shields

 

Dwar dan seħħu diskussjonijiet mal-MCCAA, mal-Kamra għall-Kummerċ kif ukoll mal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji.  Wara dawn id-diskussjonijiet, ġie deċiż li l-Gvern se jiffissa prezz massimu għal disposable surgical masks kif ukoll face shields permezz ta' price order li se tkun ippubblikata fil-ħin li ġej.  Il-prezz massimu li se jkunu jistgħu jinbiegħu disposable surgical masks se jkun ta' 0.95c, filwaqt li l-prezz massimu għall-face shields se jkun ta' €5. Din il-price order, li se tiġi ppubblikata bis-saħħa ta' 'Regolament 3 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 117.15 Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Bejgħ ta' Oġġetti ta' l-1972',  se tidħol fis-seħħ minn għada, it-Tnejn 4 ta' Mejju, 2020.

 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri qal li dan ġie deċiz b' konsultazzjoni sħiħa mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji sabiex nassiguraw li pajjiżna jkollu provvista tajba ta' dan l-ilbies protettiv u b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jixtru dawn il-prodotti mil-ispiżeriji jew negozji oħra bi prezz raġjonevoli u ma jkunx hemm lok ta' abbuż ta' prezzijiet f'dawn iċ-ċirkustanzi. Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, lid-Deputat Prim Ministru u Ministru Għas-Saħħa Chris Fearne, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debbattista għall-appoġġ u l-ħidma tagħhom biex tinħareġ din il-price order fl-aqwa interess tal-konsumatur.

 

Dawk li ma josservawx dan l-avviż legali jistgħu jeħlu għall-ewwel kontravenzjoni multa ta' mhux  inqas minn  €116 u mhux aktar minn  €582 li tista' tibqa' tiela' sa €2,329 jekk ikun hemm iktar kontravenzjonijiet.

 

Membri tal-pubbiku li josservaw nuqqas ta' osservazzjoni tal-price order jistgħu jirrapurtaw lill-pulizija fuq 2294 4504 jew 2294 4511, jew permezz ta' email fuq  pulizija@gov.mt.

​​