PR200814

04/05/2020

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U KOMUNITAJIET: Tittieħed azzjoni sabiex ikun possibbli li tintuża t-tipa Maltija fir-Reġistru Pubbliku



Dawk il-ġenituri li jkunu jixtiequ jirreġistraw l-isem tat-tarbija tagħhom bit-tipa Maltija, kif ukoll dawk li jixtiequ jagħmlu korrezzjoni minuri għal isimhom, se jkunu jistgħu jagħmlu dan fil-ġimgħat li ġejjin. 

“Numru ta’ ġimgħat ilu tlabt li din l-anomalija tittranġa bl-użu ta’ sistemi ġodda tal-IT. Fi żmien qasir, se nara li dan it-tibdil jidħol fis-seħħ,” sostna s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat. 

L-Aġenzija Identity Malta kompliet taħdem fuq soluzzjoni sabiex dan ikun possibbli bl-iktar mod faċli u nqas burokratiku. Is-sistema l-ġdida tal-IT tar-Reġistru Pubbliku diġà tippermetti l-użu tat-tipa Maltija, iżda ried isir xogħol biex is-sistema l-ġdida tkun aċċessibbli u tkun tista’ tikkomunika b’mod faċli ma’ sistemi oħra li diġà qed jaħdmu fis-settur pubbliku.

Għaldaqstant, qed issir ħidma kollettiva biex dawn is-sistemi, li ilhom hemm is-snin u li oriġinarjament ma ġewx iddiżinjati għal din il-faċilità, ikunu jistgħu jilqgħu għal dan it-tibdil. B’hekk inkunu nistgħu nibdew noffru dan is-servizz mill-aktar fis possibbli. 

F’abbozz ta’ emendi għal-liġijiet li kien diġà tħejja u li se jkun qed jitressaq daqt, se jagħmilha possibbli biex f’dawk il-każijiet fejn hu meħtieġ li ssir din it-tip ta’ korrezzjoni minuri għall-isem, isiru b’sempliċiment talba lid-direttur tar-Reġistru Pubbliku u mingħajr il-bżonn li l-applikant jagħmel rikors fil-Qorti.