Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) għaddejja b'xogħlijiet infrastrutturali sabiex numru ta' swali ewlenin fl-Università ta' Malta, fil-binja magħrufa bħala Gateway Building, iservu bħala estenzjoni tal-Isptar Mater Dei.
Is-swali temporanji se jkunu kapaċi jilqgħu fihom tnejn u erbgħin sodda ġdida u se jintużaw jekk pajjiżna jaffaċċja l-bżonn ta' iktar sodod milli jiflaħ l-Isptar Mater Dei.
Fi żjara fuq il-post fi tmiem il-ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima s-sodisfazzjon tiegħu li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex pajjiżna jkun lest għal kull eventwalità tal-Covid-19, hekk kif għad hemm il-possibilità tat-tieni mewġa ta' każijiet f' pajjiżna.
Id-Deputat Prim Ministru qal li mill-bidu tal-pandemija, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu proattivi biex pajjiżna jkun ippreparat għal kollox, u li b'din l-inizjattiva pajjiżna se jkun preparat ukoll għall-każijiet tal-influwenza li normalment jolqtu lil pajjiżna lejn Novembru. “Din is-sena jista' jkun li jkollna l-Covid u l-influwenza flimkien, allura minn issa se nkomplu bil-preparamenti biex inkunu lesti għal din is-sitwazzjoni wkoll".
Il-Kap Eżekuttiv tal-FMS Carmen Ciantar spjegat li din it-trasformazzjoni saret f'inqas minn ġimagħtejn permezz tal-ħidma bla waqfien tal-impjegati tal-FMS. Hi rringrazzjat lill-Università ta' Malta tal-koperazzjoni f'dawn iż-żminijiet sensittivi.