gov.mt

pr202229

PR202229

10/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Portal onlajn għall-użu sigur tad-drones




Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien ma’ Transport Malta ħabbar it-tnedija ta’ sistema onlajn u integrata ta’ drone portal. Din is-sistema se tkun qed tiffaċilita proċessi li jkollhom bżonn jagħmlu l-operaturi, bħal per eżempju sottomissjonijiet ta’ vjaġġi kif ukoll aċċess aħjar għat-tbassir meterjoloġiku u tat-temp. Issa, permezz ta’ dan il-portal dan se jkun jista’ jsir f’inqas ħin.

Grazzi għal din is-sistema se tkun qed tiżdied aktar effiċjenza fis-settur tal-avjazzoni permezz ta’ tnaqqis ta’ użu ta’ makkinarju kumpless bħall-helicopters. Is-sistema li qed titnieda se tkun qed tassigura li jkun hemm implimentazzjoni u eżekuzzjoni ta’ regolazzjoni robusta biex jiġu ssalvagwardjati kemm il-privatezza tan-nies u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll jiġu evitati xi ħsarat li jistgħu jsiru kemm lill-poplu u kif ukoll fuq proprjetà.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li se jkun hemm uffiċjali għall-infurzar tal-liġi li se jiżguraw li min iħaddem id-drones ikollu reġistrazzjoni valida tat-titjira li tkun qed issir filwaqt li jassiguraw li din tkun approvata u awtorizzata mill-Awtorità.

“Huwa fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar id-dinja qed issir dinamika u naturalment jinħolqu bosta sfidi ġodda kif ukoll opportunitajiet. B’hekk, bħala gvern għandna dejjem inkunu preparati sabiex nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn ħalli naraw li pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem”, qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru Ian Borg sostna li l-gvern flimkien ma’ Transport Malta kommess li jkollu industrija regolata u effettiva biex b’hekk dejjem ikun offrut l-aqwa servizz possibli kemm għal pajjiżna u anke għan-nies li jżuruh.

“Ninsab kburi li jien parti minn dan il gvern li għandu pjan ħolistiku li jkompli jara li jkun hemm it-titjib meħtieġ mal-avvanzi neċessarji biex l-industrija tal-avjazzjoni tkompli tissaħħaħ u tikber bħal dik marittima u nwasslu s-settur għal aktar tkabbir sostenibbli.”

Il-ministru temm jisħaq dwar l-importanza u s-serjetà meħtieġa biex jiġu aċċertati li permessi għat-titjir ta’ drone ma jiksru qatt din ir-regolazzjoni favur il-privatezza tan-nies, fosthom fuq bini privat mingħajr ebda permess u f’żoni sensittivi bħall-ambaxxati, bini tal-gvern kif ukoll il-ħabs.

Ir-regolament EASA UAS, li din is-sistema onlajn se tkun qed tirregola, se jidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’din is-sistema se tkun imqassma fi tliet kategoriji li jiddependu fuq il-livell ta’ riskju.

Dawn ir-regolamenti jeħtieġu reġistrazzjoni tal-operaturi UAS, liċenzji ta’ piloti remoti, il-membru stat li jidentifika żoni ġeografiċi li huma restritti għall-operazzjoni UAS u li l-istess membru stat jagħmel sorveljanza tas-suq tad-drones. 

L-IDRONECT Drone Management System tiffaċilita operazzjonijiet UAS fl-ajru ta’ Malta u b’konformità mar-regolazzjonijiet tal-EASA tipprovdi kemm sistema onlajn għar-reġistrazzjonijiet ta’ operaturi UAS, kif ukoll mappa li tindika iż-żoni permessi u dawk restritti għall-użu ta’ drone. B’hekk dan jirriżulta fis-sottomissjoni ta’ titjiriet kif meħtieġ.