gov.mt

pr202353

PR202353

23/11/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR 27,600 pjanta għall-itwal ġnien vertikali ta’ Malta fil-Marsa-Ħamrun Bypass

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia żaru s-sit tal-Marsa-Ħamrun Bypass fejn ħabbru l-iżviluppi li qed isiru fir-rigward tal-ġnien vertikali li mistenni jsir b’kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta u Ambjent Malta. Dan il-proġett se jkun parti mill-ħolqa tal-proġett sħiħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, li sar fuq medda ta’ tliet snin, u li se jkun b’kollox investiment ta €500,000. Mistennija li jitħawwlu total ta’ 27,600 pjanta li se jagħtu ħajja lill-itwal ġnien vertikali f’Malta fuq ħajt ta’ tul ta’ 350 metru, daqs tliet grawnds tal-futbol, li kien inbena fl-2018.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan il-proġett ikompli juri l-impenn kontinwu ta’ dan il-gvern b’viżjoni ċara li joffri l-aqwa sostenibbiltà possibbli. Permezz ta’ dan il-proġett, se tingħata arja aktar nadifa, nifs ħadrani u se jkun sit estetikament mill-isbaħ għal dawk l-eluf ta’ vetturi li jivvjaġġaw minn dawn iż-żoni. Aħna kommessi li nibqgħu sejrin bi pjanijiet anke li noħolqu aktar proġetti ta’ dan it-tip biex inwasslu lill-Malta għall-aktar tkabbir sostenibbli fejn tidħol saħħa, arja tal-aqwa kwalità, kif ukoll nintroduċu kunċett fejn l-arti ssir aktar parti mill-ħajja tal-bniedem.”

Il-kuntratturi tal-proġett bdew jinstallaw l-istruttura speċjalizzata ta’ dan il-ħajt fis-Sajf li għadda. L-istruttura kienet iddisinjata speċifikament biex tnaqqas ir-riskju ta’ ħsara fuq il-ħajt, filwaqt li ntużaw materjali riċiklabbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li se jkunu reżistenti biex jipproteġu l-ħajt mill-umdità, moffa jew elementi oħra. Fir-rigward tal-metodu tat-tisqija, se tkun qed tiġi installata sistema awtomatika li se tkun imqabbda ma’ ġibjun kbir li Infrastructure Malta bniet fil-grawnds ta’ skola biswit meta l-Marsa-Ħamrun Bypass inbniet mill-ġdid fl-2018. Il-kuntratturi installaw ukoll kameras tas-sigurtà biex jiġi evitat serq u vandaliżmu.

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li wara t-tlestija tal-infrastruttura tal-Marsa-Ħamrun Bypass minn Infrastructure Malta, għal dan il-green wall, Ambjent Malta bagħtet proposta lil Infrastructure Malta biex jiġi installat l-ewwel green wall fil-gżejjer Maltin biswit din it-triq. 

Il-Ministru Farrugia spjega kif Ambjent Malta qed tiffinanzja dan il-proġett u tipprovdi assistenza għall-implimentazzjoni tiegħu. In-nefqa totali għal dan il-proġett minn Ambjent Malta tlaħħaq mas-€650,000, li tinkludi t-tpoġġija ta’ sistema ta’ irrigazzjoni u l-manteniment ta’ dan il-proġett għal mill-inqas ħames snin.  Huwa qal li l-Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti pprepara studju fuq il-green walls u l-green roofs li sab numru ta’ benefiċċji li dawn jistgħu joffru lil pajjiżna.

“Il-green walls se jkunu qed jipprovdu numru ta’ benefiċċji lil żoni urbani. Dawn jgħinu biex iservu ta’ abitat lil numru ta’ pollinaturi, inaqqsu l-ħsejjes, itejbu l-kwalità tal-arja, inaqqsu t-temperaturi u l-esperjenza tan-nies fiż-żoni li jgħixu u jaħdmu fihom,” qal il-Ministru Farrugia. 

Ta’ min isemmi ukoll li Infrastructure Malta se tkun qed taħdem id f’id mal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) sabiex jiġi introdott kunċett ta’ wirja ta’ arti fil-miftugħ f’sezzjoni oħra tal-istess ħajt fil-Marsa-Ħamrun Bypass. Din se tinkludi xogħol artistiku fuq skala kbira maħluqa mill-istudenti u l-letturi tal-arti tal-MCAST stess. Eventwalment, dan l-ispazju se jkun disponibbli wkoll għal artisti lokali kif ukoll internazzjonali, bl-għan li jinvolvi aktar l-arti fil-ħajja tan-nies hekk kif jgħaddu minn din iż-żona. L-ewwel xogħlijiet ta’ arti se jiġu installati f’dan il-post ix-xahar id-dieħel.