gov.mt

pr201981

PR201981

14/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U GVERN LOKALI 6 kappelli medjevali skedati f’livell ta’ Grad 1

Wara li saru s-sottomissjonijiet mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali quddiem il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Ippjanar, illum ġew aċċettati 6 kappelli medjevali ta' importanza storika biex jiġu skedati f'livell ta' Grad 1 u b'hekk jingħataw l-għola protezzjoni meħtieġa. Tnejn minn dawn il-kappelli (Santa Duminka, Ħad Dingli (Ħal Tartani) & Santa Marija ta' Bir Miftuħ, Gudja) kienu fost l-ewwel 10 parroċċi li kienu dokumentati fl-1436 barra dawk tal-Birgu u l-Imdina.  

Is-6 siti li fuqhom saret il-proposta tal-iskedar huma Santa Duminka, Ħad Dingli (Ħal Tartani); Santa Marija ta' Bir Miftuħ, Gudja; San Ċir, Rabat; Wasla tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu, Kemmuna; Santa Marija ta' Ħal Xluq, Siġġiewi u Santa Marija tas-Sokkors, Bormla. 

Il-Ministru José Herrera tenna li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha sehem ewlieni u essenzjali biex nassiguraw il-ħarsien u l-protezzjoni tal-Wirt Nazzjonali ta' pajjiżna. “Huwa importanti li binjiet storiċi li għandna f'pajjiżna jkomplu jiġu salvagwardjati u protetti hekk kif dawn il-binjiet huma parti integrali mill-istorja u l-identita ta' pajjiżna" sostna l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali José Herrera hekk kif irrimarka li s- Sovrintendenza twettaq ħidma strumentali b'mod kontinwu biex ħafna mill-patrimonju ta' pajjiżna ma jintilifx darba għal dejjem.

​