gov.mt

pr201641

PR201641

02/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jħabbar li l-COVID-19 wage supplement u l-validità tal-vouchers se jkunu estiżi sal-aħħar ta’ Ottubru

​​

  • Fil-baġit li ġej il-gvern se jkun qed iħabbar pjan fit-tul li  jinkludi aktar għajnuna lin-negozji u l-familji

 

F'diskors li għamel il-Prim Ministru Robert Abela quddiem il-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, huwa ħabbar li l-iskema tal-Wage Supplement, kif ukoll il-validità tal-vouchers li ta l-gvern ġew estiżi sal-aħħar ta' Ottubru.

 

Dr Abela qal ukoll li fil-baġit li ġej il-gvern se jkun qed iħabbar pjan fit-tul li  jinkludi aktar għajnuna lin-negozji, fosthom anke l-eventwalità ta' reviżjonijiet tal-iskema tal-wage supplement u anke għajnuna lill-familji. Dwar il-baġit ta' Ottubru li ġej, il-Prim Ministru tenna li l-gvern se jkun qed jagħti imbuttatura oħra lill-ekonomija billi mhux biss iħares lejn in-negozji u l-konsumaturi biss, iżda anke lil hinn sabiex ikun assigurat li l-ġid jasal għand kulħadd.

 

“Ħafna jqisu u jħarsu lejn dan il-perjodu ta' COVID-19 bħala l-iktar episodju iebes għall-ekonomija tagħna u għad-dinja, iżda din l-isfida aħna se nkunu qed indawwruha f'opportunità sabiex nuru li dan huwa gvern li kapaċi jkompli jixpruna aktar suċċessi mhux biss fi żminijiet tajbin iżda anke waqt żminijiet ta' sfida," stqarr Dr Abela.

 

Il-Prim Ministru reġa' rriafferma l-impenn li tkun implimentata l-viżjoni li tkellem fuqha propju quddiem l-istess Kamra tal-Kummerċ, dik ibbażata fuq ħames prinċipji ewlenin: il-governanza, it-tkabbir ekonomiku għall-kwalità ta' ħajja aħjar, l-edukazzjoni sabiex fit-tul issostni l-ekonomija, titjib tal-infrastruttura u li bħala pajjiż niġu carbon neutral sal-2050.

 

Dr Abela tkellem fuq il-ħidma li saret fuq il-governanza tajba fl-aħħar ftit xhur, filwaqt li stqarr li f'dak li għandu x'jaqsam mal-Moneyval bħalissa għaddej xogħol kbir b'rabta ma' dan u diġà kien reġistrat progress f'dan ir-rigward grazzi għall-ħidma li għaddejja. Il-Prim Ministru tenna li l-gvern se jibqa' kommess li jkun hemm ir-riżorsi kolha adegwati partikolarment għall-Pulizija, sabiex jiġu attirati persuni b'abilitajiet u kwalifiċi tekniċi sabiex jassistu lill-istess Pulizija f'investigazzjonijiet li jkunu qed isiru. Dr Abela silet bħala eżempju l-FIAU. fejn qal li qabel l-2013 il-baġit tal-FIAU kien ta' madwar €500,000 u 10 persuni jaħdmu hemm. Illum il-baġit tela' għal €10 miljun u aktar minn 100 persuna impjegata. “Il-prinċipju jibqa' li mhux biss ikun hemm investigazzjoni ta' atti kriminali finanzjarji u oħrajn, iżda li fl-aħħar mill-aħħar ikun hemm il-prosekuzzjoni quddiem il-Qrati," stqarr il-Prim Ministru.

Dr Abela appella sabiex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu f'dik li hija titjib tar-reputazzjoni ta' pajjiżna. Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-viżjoni li l-pajjiż isir carbon neutral sal-2050 u tenna li huwa jrid jara pajjiż li jersaq aktar lejn enerġija rinovabbli.

 

Il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll fuq deċiżjoni oħra importanti li trid tittieħed, dik li jinfetħu l-iskejjel wara aktar minn sitt xhur, liema deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika provduta mill-Awtoritajiet tas-Saħħa tagħna, li twieżen anke l-impatt negattiv fuq l-iżvilupp soċjali u edukazzjonali tat-tfal tagħna kemm il-darba l-iskejjel jibqgħu magħluqa.

 

Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru tenna li dawn id-deċiżjonijiet diffiċli li qegħdin jittieħdu se jwasslu sabiex ikun hemm futur dejjem aħjar.​