gov.mt

pr210682

PR210682

09/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jitħabbru żewġ skemi ta’ €6.5 miljun għal ‘Free Individual Travel’ u l-operaturi tal-ivvjaġġar bħala parti mill-pjan ta’ rkupru għat-turiżmu

Ġew varati żewġ skemi ta' €6.5 miljun iddedikati għal 'Free Individual Travel' kif ukoll għall-operaturi tal-ivvjaġġar bħala parti mill-pjan ta' rkupru għat-turiżmu. Huwa stmat li l-iskemi msemmija mistennija jħallu 'l fuq minn €50 miljun fl-ekonomija Maltija. 

 

Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo. 

 

Il-Ministru Clayton Bartolo semma kif l-iskema ta' għajnuna għal 'Free Individual Travel' ser tkun allokata €3.5 miljun u li minnha mistennija jgawdu iżjed minn 35,000 turist li jiġu lejn pajjiżna. 

 

“L-għan ta' din l-iskema huwa li nimmiraw għal dik il-kategorija ta' turisti magħrufa bħala 'Free Individual Travellers', li jagħżlu li jibbukkjaw is-safriet tagħhom b'mod dirett permezz ta' direct reservation system f'lukandi ta' ħames, erba' u tliet stilel", kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Huwa żied jgħid li permezz ta' din l-iskema ser tkun qiegħda tingħata għajnuna finanzjarja ta' €100 għal kull persuna li tibbukkja f'lukanda ta' ħames stilel, €75 għal kull persuna li tibbukkja f'lukanda ta' erba' stilel, u €50 għal kull persuna li tibbukkja f'lukanda ta' tliet stilel. 

 

L-iskema tinvolvi wkoll b'mod speċifiku l-gżira Għawdxija – il-lukandi f'Għawdex ser jirċievu 10% addizzjonali fuq l-għajnuniet finanzjarji li ser jingħataw il-lukandi Maltin.

 

“Fi kliem sempliċi l-lukandi jridu jipparteċipaw bl-istess ammont li ser tkun qiegħda tagħti l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jiġifieri kull turist se jibbenefika minn €200 (€100.00 mill-Awtorità u €100 mill-lukanda parteċipi) jekk jagħżel li jibbukkja ġewwa lukanda ta' ħames stilel, €150 (€75.00 mill-Awtorità u €75.00 mill-lukandi parteċipi) jekk jibbukkja ġewwa lukanda ta' erba' stilel, u €100 (€50.00 mill-Awtorità u €50 mill-lukanda parteċipi) jekk ħa jibbukkja f'lukanda ta' tliet stilel. Dawn l-ammonti ser ikunu qed jintefqu f'akkommodazzjoni, ikel u xorb jew servizzi varji fl-istess lukanda", qal il-Ministru Clayton Bartolo.  

 

Sabiex turist jibbenefika minn din l-għajnuna finanzjarja jrid iqatta' vaganza ta' tlett ijiem jew iżjed f'pajjiżna. It-turisti jkunu eliġibbli għal din l-iskema jekk l-ibbukkjar isir permezz tad-direct reservation system tal-lukandi.

Din l-iskema ser tkun amministrata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u kull lukanda ser tkun allokata baġit relattiv man-numru ta' sodod li għandhom irreġistrati wara xahar mit-tnedija tal-istess skema. L-imsemmijin lukandi ser ikunu mitluba jippreżentaw pjan ta' marketing dwar kif ser tiġi promossa din l-iskema sabiex tattira bbukkjar dirett fil-pjattaformi tad-direct reservation systems tal-lukandi,  filwaqt li fil-pjan ta' marketing li jipproponu jridu jindikaw kif ser jibbenefikaw  minnu t-turisti. 

 

Din l-iskema hija applikabbli għal turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż u tidħol fis-seħħ minn Ġunju 2021. 

 

Skema oħra hija dik ta' €3 miljun sabiex operaturi tal-ivvjaġġar jiġġeneraw aktar bookings lejn Malta u Għawdex. 

 

Il-Ministru Clayton Bartolo tenna li din l-iskema hija għal operaturi tal-ivvjaġġar li jippromovu u jbigħu pakketti ta' vjaġġar lejn Għawdex u Malta lil turisti li ser jivvjaġġaw lejn il-gżejjer Maltin sal-aħħar ta' din is-sena. 

 

“Din l-iskema mistennija jkollha impatt pożittiv qawwi fuq lukandi li minħabba l-mudell kummerċjali tagħhom jiddependu aktar fuq l-operaturi turistiċi. Bi pjaċir inħabbar li diġà hemm madwar 75 arranġament ma' operaturi turistiċi minn pajjiżi fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja, il-Belġju, l-Olanda, il-Lussemburgu u anke pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa", qal il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Huwa saħaq li operaturi ewlenin fosthom TUI, OnTheBeach, Chevron, SunSpot, FTI, TUI Germany, Carefour Voyage, Fram u VisitEurope ser ikunu parteċipi b'mod sħiħ f'din l-iskema. 

 

Fl-aħħar rimarki tiegħu, il-ministru semma kif dawn iż-żewġ skemi huma eżempju ħaj tal-mudell ta' turiżmu sostenibbli bbażat fuq il-kwalità fl-esperjenza turistiċi aktar milli fuq il-masses, fejn il-kwantità u l-kwalità jimxu id f'id. 

 

“Din hija bidla li ilha tiġi diskussa ġenerazzjonijiet sħaħ, iżda fi ftit xhur nista' ngħid għamilna passi ta' ġgant biex inkomplu reqsin għal dan it-tragward", temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. ​​