gov.mt

pr210708

PR210708

14/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Ir-ristrutturar tas-settur tal-avjazzjoni qed jirriżulta f’aktar effiċjenza u f’koordinazzjoni bejn l-istakeholders kollha kemm pubbliċi u privati

​​​Waqt webinar virtwali li mmarka l-ewwel avveniment tal-Aviation Stakeholders Forum, il-Ministru Ian Borg irrimarka li filwaqt li sa ftit żmien ilu l-entitajiet pubbliċi involuti fis-settur tal-avjazzjoni kienu jaqgħu taħt il-mandat ta’ bosta ministeri, illum nistgħu ngħidu li ħafna minn dawn l-entitajiet qegħdin miġbura taħt l-awspiċi tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.


Il-Ministru Borg qal, “Is-settur tal-avjazzjoni kien u se jibqa’ pilastru fundamentali għall-ekonomija Maltija. Il-ġabra mill-ġdid ta’ entitajiet pubbliċi involuti fis-settur tal-avjazzjoni taħt ministeru wieħed, it-twaqqif tal-Kumitat Konsultattiv tal-Avjazzjoni u issa l-formazzjoni tal-Aviation Stakeholders Forum huma prova ċara tal-impenn u tad-determinazzjoni tagħna biex ngħinu lis-settur mhux biss jikber aktar milli kien qabel il-pandemija COVID-19 imma fuq kollox itejjeb il-kwalità. Qegħdin nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex niżguraw li s-settur tal-avjazzjoni f’Malta jibqa’ mhux biss wieħed mill-aqwa fl-Ewropa imma anke globalment”.

L-Aviation Stakeholders Forum huwa pjattaforma miftuħa għall-istakeholders kollha involuti fis-settur tal-avjazzjoni f’Malta. Dan il-forum qed jagħti vuċi akbar u opportunità usa’ lil firxa diversa ta’ stakeholders, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Permezz ta’ dan il-forum, l-istakeholders kollha se jkunu involuti aktar fit-tfassil tal-politika nazzjonali għall-avjazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha involuti fis-settur tal-avjazzjoni f’Malta se tgħin lill-gvern biex ikompli jiżviluppa u jmexxi ’l quddiem dan is-settur, mhux biss billi jindirizza l-bżonnijiet attwali iżda wkoll billi jħejji għall-ħtiġijiet u għall-opportunitajiet futuri li dan is-settur jista’ joffri. 

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq l-industrija. Hekk kif l-attivitajiet tal-avjazzjoni waqfu, bħala pajjiz bdejna nagħrfu aħjar id-dipendenza tagħna fuq is-settur tal-avjazzjoni. F’Malta s-settur tal-avjazzjoni jikkontribwixxi għal xejn inqas minn €600 miljun lejn l-ekonomija tagħna, iġorr ’il fuq minn 7 miljun passiġġier kull sena u jimpjega total ta’ 13,500 persuna. 

Pjanijiet prospettivi għas-settur tal-avjazzjoni jeħtieġ li jinkorporaw elementi li jwasslu sabiex is-settur ikun sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Karmenu Vella, iċ-Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv tal-Avjazzjoni qal, “Sabiex nibqgħu kompetittivi, l-irkupru mill-pandemija COVID-19 għandu jittrasforma dan is-settur f’wieħed aktar reżiljenti u sostenibbli. Għal dan l-għan il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Avjazzjoni, taħt id-direzzjoni tal-Ministru Ian Borg, qed jaħdem fuq numru ta’ binarji biex jiżgura li ladarba tirkupra, l-industrija tal-avjazzjoni Maltija tkompli tiżviluppa u tikber. Jiena kunfidenti li permezz ta’ ħidma kollettiva, is-settur jista’ joħroġ mill-pandemija COVID-19 b’mod aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli minn qatt qabel”.

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, qal, “Li naġixxu flimkien huwa kruċjali. Koordinazzjoni mtejba se tippermetti li terġa’ tiddaħħal b’mod aktar faċli u gradwali l-konnettività mingħajr ma tikkomprometti s-saħħa u l-ambjent. Operazzjonijiet bla xkiel jeħtieġu proċess kollaborattiv ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet minn kulħadd għall-benefiċċju tan-netwerk kollu tal-avjazzjoni. Għalhekk huwa importanti li kull stakeholder jipparteċipa fid-diskussjonijiet varji li se jkun qed jagħmel dan il-forum. Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili huwa kburi ħafna b’dawn il-kisbiet u se jaħdem ħafna biex ikompli jgħin lill-industrija”.