Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210757

PR210757

21/04/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Inawgurat ċentru ta’ eċċellenza fil-podjatrija


Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura ċentru ta' eċċellenza għall-podjatrija li jinsab fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara. 

 

Fost servizzi oħra, dan iċ-ċentru ta' eċċellenza se jkun qed joffri servizzi ġodda fil-qasam tal-kura tas-saqajn fosthom Claudication Clinic, High Risk Foot Biomechanics Clinic, u Rheumatoid Foot Clinic – fejn isiru testijiet speċifiċi biex jitnaqqsu r-riskji ta' qtugħ tar-riġel minħabba problemi kardjovaskulari, fost oħrajn. 

 

Id-Deputat Prim Ministru qal li dan huwa ċentru ieħor ta' eċċellenza fi ħdan it-Taqsima tal-Kura Primarja li qed ikunu strumentali biex jiġu offruti l-aqwa servizzi għall-pazjenti tagħna 'l barra mill-Isptar Mater Dei, u għalhekk eqreb tan-nies. “Is-saqajn kapaċi juruna l-bidu ta' problemi aktar serji fis-saħħa tagħna u għalhekk dan iċ-ċentru se jkun strumentali biex ċertu problemi jiġu rikonoxxuti mill-bidu nett qabel ma tkun laħqet saret aktar ħsara," qal id-Deputat Prim Ministru. 

 

Dan iċ-ċentru ta' eċċelenza sar b'investiment ta' madwar €220,000 minn fondi tal-NDSF. 

 

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat li stqarr li ħidmet l-Aġenzija li tieħu ħsieb il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, qed tissarraf f'ġid fil-komunità. Spjega li dan huwa fond li jamministra porzjon mill-investiment dirett barrani u jinvestih għall-ġid tal-komunità Maltija. 

 

Is-sur Muscat qal li l-ftuħ tal-berġa tal-podjatrija fiċ-ċentru ta' Malta huwa eżempju ċar tat-tip ta' ġid li qed isir, liema ġid ma jkoprix biss il-qasam tas-saħħa imma wkoll oqsma bħall-edukazzjoni, l-ambjent u l-qasam kulturali. Huwa sostna l-impenn tiegħu sabiex pajjiżna jkompli jattira l-investiment dirett barrani, biex b'hekk ikunu jistgħu jitwettqu aktar proġetti bħal dawn.

 

Minn nhar il-Ġimgħa jistgħu japplikaw għall-vaċċin tal-COVID-19 persuni ta' 'l fuq minn 40 sena 

 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru ta aġġornament dwar l-andament tal-programm tal-vaċċinazzjoni tal-COVID-19, fejn ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa jistgħu jibdew japplikaw għall-vaċċin persuni ta' 40 sena u iktar.

 

Ir-reġistrazzjoni tista' ssir kemm fuq is-sit elettroniku vaċċin.gov.mt kif ukoll permezz ta' SMS bin-numru tal-Karta tal-Identità biss fuq 99180045 biex jittieħed il-vaċċin f'Malta, u 99180044 biex jittieħed il-vaċċin f'Għawdex. 

 

Il-Ministru Fearne appella sabiex kulħadd japplika għall-vaċċin biex pajjiżna jkun f'pożizzjoni li jilħaq il-herd immunity kemm jista' jkun malajr. Huwa fisser kif f'pajjiżna sa issa tlaqqmet 46% tal-popolazzjoni b'doża waħda, filwaqt li 21% tal-popolazzjoni ngħataw it-tieni doża. 

 

Id-Deputat Prim Ministru rrefera għas-sitwazzjoni tal-COVID-19 madwar id-dinja, fejn is-severità tal-pandemija għadha ma tridx iċċedi f'numru kbir ta' pajjiżi. Dan b'kuntrast għas-sitwazzjoni f'pajjiżna fejn it-tilqima qiegħda taħdem, tant li n-numru ta' każijiet pożittivi fl-isptarijiet għadu f'livell baxx ħafna, u saħansitra l-faċilità tal-Good Samaritan hija vojta għaliex naqsu drastikament il-każijiet tal-COVID-19 fid-djar tal-anzjani. 

 

Huwa wkoll ħabbar li llum ġiet awtorizzata biex jintuża r-raba' vaċċin tal-COVID-19 f' pajjiżna. Dan wara li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini ħabbret li l-vaċċin tal-Johnson & Johnson huwa sigur, u ġew rilaxxati l-konsenji li tqassmu madwar l-Ewropa mill-kumpanija stess, inkluża l-konsenja li waslet f' pajjiżna ftit tal-ġranet ilu. 

 

 Iktar miżuri rilaxxati minn nhar it-Tnejn 

 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li peress li n-numri tal-każijiet tal-COVID-19 rrappurtati kuljum u n-numri ta' persuni rikoverati fl-Isptar Mater Dei baqgħu baxxi u stabbli, se jkun possibbli li jiġu rilaxxati numru ta' miżuri min-nhar it-Tnejn li ġej.

 

B'hekk se jkunu jistgħu jiftħu l-ħwienet mhux essenzjali, il-mużewijiet u jerġgħu jibdew jingħataw is-servizzi mhux essenzjali mill-ħwienet rispettivi. In-numru ta' persuni fl-istess grupp permessi fil-pubbliku se jitla' għal 4 persuni, filwaqt li fir-residenzi privati jistgħu jinġabru persuni ġejjin minn massimu ta' 4 residenzi differenti.

​