gov.mt

pr211469

PR211469

05/08/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA

  • Żieda fl-ammont massimu ta' persuni bilqiegħda f'attivitajiet organizzati
  • Kwarantina ridotta għal persuni biċ-ċertifikat tal-vaċċin
  • Booster dose se tibda tingħata min-nofs Settembru lill-anzjani fl-istituzzjonijiet u persuni immunosoppressi​​

Mit-Tnejn 16 t'Awwissu l-avvenimenti kkontrollati se jkunu jistgħu jilqgħu massimu ta' 300 persuna bilqiegħda, filwaqt li mit-30 t'Awwissu, l-ammont massimu permess se jitla' għal 500 persuna bilqiegħda.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega li l-protokolli tal-Awtoritajiet għas-Saħħa għall-avvenimenti bilqiegħda jridu jkunu osservati f'kull ħin. Hu tenna li minkejja li l-ammonti ta' każijiet ġodda rreġistrati kuljum mhumiex żgħar, permezz tal-vaċċin kontra l-COVID-19 pajjiżna jinsab f'sitwazzjoni fejn m'għandux għalfejn iżid ir-restrizzjonijiet, anzi qiegħed innaqqashom, bi prudenza.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne sostna li, sal-lum, 86% tal-adulti huma kompletament ivvaċċinati filwaqt li mit-tfal ta' bejn it-12 u 15-il sena, 68% ħadu l-ewwel doża u 39% huma kompletament ivvaċċinati wkoll.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mis-16 t' Awwissu 2021 wkoll, persuni kompletament ivvaċċinati li jkunu f'kuntatt ma' persuna pożittiva u għalhekk ikunu obbligati jibdew kwarantina ser ikunu mitluba jagħmlu kwarantina ta' 7 ijiem biss, minflok ta' 14-il ġurnata—dan sakemm isir swab test fis-7 jum, li jirriżulta fin-negattiv.

Dwar din il-miżura l-ġdida, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat li l-kwarantina ta' 7 t'ijiem għal persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin ma tapplikax għal min ikun pożittiv għal COVID-19, għal min qed jgħix fl-istess residenza ma' persuna pożittiva, għall-persuni li jgħixu fl-istituzzjonijiet, u fil-każ tal-kwarantina marbuta mal-ivvjaġġar. Hija spjegat li min hu eliġibbli għall-kwarantina r-ridotta jisa' japplika għall-iswab test minn fuq https://covidtest.gov.mt/ u li għall-appuntament għandhom ikunu ppreżentati l-ittra tal-kwarantina, iċ-ċertifikat tal-vaċċin u dokument ta' identifikazzjoni.

Rigward it-teħid tal-vaċċin min-nisa tqal, id-Deputat Prim Ministru spjega li wara l-parir rivedut tal-Malta College of Obstetricians and Gyneagologists u wara diskussjonijiet maċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Ġinekoloġija u Obstetrija, il-parir tal-Awtoritajiet għas-Saħħa hu li n-nisa tqal jistgħu jitlaqqmu fit-tieni u tielet trimestru tat-tqala, wara li jieħdu parir mit-tabib kuranti tagħhom.

Dwar id-doża tal-booster, id-Deputat Prim Ministru Fearne stqarr li l-esperti tas-saħħa analizzaw il-livell tal-immunità fil-komunità, l-effettività tal-vaċċin fuq gruppi speċifiċi ta' persuni, inklużi dawk li huma immunosoppressi u l-anzjani vulnerabbli u kif ukoll is-sitwazzjoni ta' varjanti ġodda fil-kommunità. Huwa spjega kif minkejja li s'issa mhemmx evidenza li l-immunità tal-vaċċin qiegħda tiddgħajjef fost dawk li kienu minn tal-ewwel li tlaqqmu, fid-dawl tal-varjant Delta, li bħalissa huwa l-varjant dominanti f'95% tal-każijiet attivi, u peress li hemm persuni b' kundizzjonijiet li jtaffu l-effettività tal-vaċċin, min-nofs Settembru se tibda tingħata booster dose, waħda, lil persuni li huma immunocompromised u l-anzjani residenti fid-djar tal-anzjani. Filwaqt li l-anzjani se jitlaqqmu fl-istituzzjonijiet stess, persuni li huma 'immunocompromised' se jirċievu ittra d-dar b' appuntament għall-booster.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne ħabbar ukoll li minn din il-ġimgħa pajjiżna beda jirrikonoxxi ċ-ċertifikat tal-vaċċin maħruġ mill-Awtoritajiet tal-Albania u tal-Qatar, filwaqt li qal li bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tal-Kanada, l-Awstralja u l-Israel.