gov.mt

pr211481

PR211481

06/08/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitlestew 80% tax-xogħlijiet fi Triq l-Imġarr, in-Nadur


Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq l-Imġarr fin-Nadur fejn ħabbar li 80% tax-xogħlijiet issa jinsabu lesti. Qal li finalment din it-triq ingħatat ukoll l-attenzjoni li jixraqilha u qed tinbena mill-ġdid wara li għal bosta snin tħalliet fi stat ħażin.

 

Il-Ministru Camilleri spjega li dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid tat-triq, sistemi miżjuda ta' sigurtà fit-triq biex jonqos ir-riskju tal-aċċidenti, il-bini mill-ġdid tar-retaining walls u ħajt tas-sejjieħ u faċilitajiet oħrajn sabiex is-servizzi neċessarji jgħaddu minn taħt it-triq.

 

Triq l-Imġarr kienet ingħalqet minħabba l-ħsarat strutturali kbar li kien hemm u kienet inadekwata u ta' periklu għal min jużaha. Saret analiżi estensiva u testijiet taħt l-art li rriżultaw f'indikazzjoni ċara tal-karatteristiċi fiżiċi u strutturali ta' kull strata. Partijiet minn Triq l-Imġarr kienu jeħtieġu l-kostruzzjoni ta' structural reinforced friction piles fil-fond ta' 22 metru u l-kolonni strutturali ta' fuq, travi u struttura tat-triq rinfurzata. L-użu ta' din it-tip ta' struttura għall-kostruzzjoni tat-toroq huwa totalment ġdid għal Għawdex.

 

Qabel setgħet tibda tinbena t-triq, inħarġu l-permessi kollha, saru u tlestew il-pjanti, tlestew it-testijiet ġeoloġiċi u saru u tlestew id-disinni strutturali.

 

Il-Ministru Clint Camilleri fakkar li sadanittant tranġaw u tlestew ukoll li Triq iż-Żewwieqa li setgħet isservi ta' triq alternattiva għal Triq in-Nadur u Triq Sant'Antnin f'Għajnsielem ukoll

 

Il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lill-ħaddiema li anke fl-eqqel tas-sajf qed jibqgħu għaddejjin bix-xogħlijiet f'din it-triq sabiex tkompli titjieb is-sigurtà u l-poplu Għawdxi jkollu t-toroq li jixraq lil din il-gżira.​