gov.mt

pr211496

PR211496

09/08/2021

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: L-NDSF tinvesti f’sistema innovattiva ta’ dawl għar-Rotunda tal-Mosta




Investiment ta’ €850,000 mill-NDSF se jwassal biex tkun installata sistema innovattiva ta’ dawl estern fis-Santwarju Bażilika ta’ Santa Marija tal-Mosta. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

Id-dawl estern ġdid se jenfasizza l-elementi arkitettoniċi tar-Rotunda, juża l-enerġija b’mod effiċjenti, u joħloq l-inqas ammont ta’ tniġġiż possibbli. Id-dawl se jkun ikontrollat permezz ta’ sistema ċentralizzata, b’mod li jista’ jinbidel skont l-okkażjoni. Id-dawl artistiku mhux biss se jgħin biex jintensifika l-estetika tar-Rotunda tal-Mosta, iżda jżid il-valur ta’ dan is-sit li tant huwa mfittex, kemm mill-Maltin kif ukoll minn turisti minn madwar id-dinja. Fis-sena 2019 biss, żaru l-Bażilika madwar 890,000 turist.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fuq il-frontispizju tal-Bażilika l-Perit Franck Franjou spjega li d-disinn tad-dawl huwa ntiż biex jagħti ċertu dija lill-binja u lill-elementi speċifiċi tagħha, bħall-kolonni, bjut u niċeċ. Dan kollu se jsir bl-għan li kulħadd ikun jista’ japprezza d-dettalji tar-Rotunda, b’mod sottili u mhux eżaġerat, u b’mod li jżid il-valur storiku, kulturali u artistiku tal-binja. 

L-Arċipriet tal-Mosta Dun Bastjan Caruan, esprima sodisfazzjon għall-fatt li din il-ħolma ta’ bosta se ssir realtà. L-Arċipriet qal li dan il-proġett se jżid is-sens ta’ kburija, mhux biss fost min jipprattika l-fidi, iżda wkoll fost min japprezza l-valur artikitettoniku nazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan il-proġett se jagħti d-dinjità mistħoqqa lil waħda mill-aktar koppli kbar fl-Ewropa u fid-dinja. Osserva li d-dawl attwali għaddew deċenji minn fuqu, u sadanittant ġew żviluppati sistemi ferm iktar xierqa għal binja ta’ dan il-kalibru. Żied ukoll li, b’investiment xieraq, ir-Rotunda tal-Mosta se titgawda ferm aktar minn kull min iżurha u kull min jaraha mill-bogħod. Temm isostni l-impenn tiegħu lejn investiment fil-komunità, permezz ta’ proġetti bħal dawn.