gov.mt

pr210229

PR210229

02/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U -IŻVILUPP SOSTENIBBLI


Titnieda l-ekosistema għall-innovazzjoni fid-drones u l-ewwel akkademja għat-taħriġ avvanzat f’dan il-qasam 

Pass ieħor importanti għal Malta fl-industrija tal-avjazzjoni

Il-Ministri Ian Borg u Miriam Dalli ħabbru t-tnedija tal-ekosistema għall-innovazzjoni tad-drones permezz tal-ewwel investiment tat-tip tiegħu mill-entità Malta Drone Centre li se tinvesti €500,000 u tħaddem għadd ta’ professjonisti.

Tul l-aħħar snin, Transport Malta flimkien mal-Malta Enterprise ħadmet sabiex tinħoloq ekosistema ta’ innovazzjoni fejn jidħlu drones u issa Malta qed tagħmel l-ewwel pass biex isservi bħala  destinazzjoni ġdida għal dan il-qasam. Din hija opportunità għall-kumpanija ta’ investiment dirett barrani kif ukoll dawk Maltin sabiex, fost l-oħrajn, jagħtu taħriġ, jittestjaw, kif ukoll jibnu drones f’pajjiżna.

Apparti dan l-investiment, ġie ffirmat ukoll site access agreement bejn Malta Enterprise u Hibernians FC sabiex waqt li ma jkunx qed jintuża għall-futbol, partijiet mill-grawnd ta’ Kordin ikunu jistgħu jintużaw għat-titjir tad-drones. Dan wara li Transport Malta approvat ukoll it-tip ta’ attività li tista’ ssir ġo dan il-grawnd. Iktar siti li jagħtu opportunità ta’ titjir differenti jistgħu jitħabbru iktar ’il quddiem. Is-sit tal-Hibs grawnd se jkun jista’ jintuża wkoll minn kumpaniji oħrajn li jkunu approvati mill-Malta Enterprise u minn Transport Malta.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Ftit tax-xhur ilu kont ħabbart li qed inniedu sistema tar-reġistrazzjonijiet ta’ drones sabiex mhux biss inkunu konformi mal-liġijiet Ewropej iżda anke nippermettu li jkollna dawn it-tip ta’ investimenti. L-investiment tal-lum ta’ nofs miljun ewro u li anke se jkun qed iħaddem numru ta’ professjonisti, huwa l-ewwel wieħed f’din l-industrija u nħares ’il quddiem li jkollna aktar fix-xhur li ġejjin. Fi ftit aktar minn xahrejn rajna li f’pajjiżna permezz ta’ din is-sistema online, għandna aktar minn 1,000 drone irreġistrat. Dan huwa gvern li jinsab kommess li jkompli jtejjeb l-operat tiegħu sabiex jibqa’ wieħed mill-aqwa plejers Ewropej fejn tidħol l-avjazzjoni. Kif qed inkunu dejjem minn ta’ quddiem fejn jidħol ir-reġistru tal-ajruplani, qegħdin nuru wkoll ir-rieda tagħna lid-dinja li Malta hija lesta għad-drones u li se tkun sors ewlieni li se tħajjar bosta kumpaniji f’dan is-settur sabiex jinvestu f’pajjiżna”.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li bil-fatti qed naraw l-investiment f'niċeċ ġodda. “Illum qed nagħtu sinjal ieħor ta’ kif qed inkomplu niddiversifikaw l-ekonomija tagħna. Qed nuru kif anke fi żmien meta l-industrija tal-avjazzjoni b’mod internazzjonali għaddejja minn żmien diffiċli ħafna, aħna qegħdin mhux biss nappoġġaw industriji eżistenti, imma qed naħsbu għall-futur”. 

“Dawn huma attivitajiet li jġibu flimkien it-teknoloġija, l-inġinerija flimkien mal-avjazzjoni: avjazzjoni li tgħin lil diversi industrji oħra. Attivitajiet li lkoll jibbażaw ruħhom fuq impjiegi tajbin u li jistgħu jgħinuna anke mill-aspett ta’ sostenibbiltà ambjentali, hekk kif qed naraw kif flights bid-drones jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ l-effiċjenza f’diversi oqsma”.

Il-Ministru Dalli ħeġġet lill-imprendituri Maltin u barranin biex iħarsu lejn opportunitajiet futuri ta’ manifattura, bħal assembly ta’ drones, f’Malta. 

Din il-liċenzja li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna hi bbażata fuq ir-regolamenti tal-EASA (European Union Aviation Safety Agency) u permezz tagħha se jkun jista’ jingħata taħriġ u preparazzjoni għall-eżamijiet sabiex jitħaddmu bosta tipi ta’ drones fosthom dawk ta’ ċerta speċjalizzazzjoni.

Transport Malta se sservi wkoll bħala aġent li jgħin fin-noti teoretiċi anke permezz ta’ videos onlajn.

Din l-akkademja, li hija bi sħab bejn kumpanija Maltija u oħra barranija, ingħatat ukoll assistenza permezz tal-inċentivi għan-negozju mill-Malta Enterprise.


​​​