Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-lokalità taż-Żejtun fejn ħabbar l-investiment ta’ €7 miljun li qed isir f’ħidma fuq 10 toroq fiż-Żejtun. Bħalissa qed isiru l-aħħar xogħlijiet fuq Vjal 25 ta’ Novembru, triq prinċipali li tagħti min Tal-Barrani għaż-Żejtun. Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela.
Il-Ministru Ian Borg qal li, “Il-ħidma ta’ dan il-gvern għal infrastruttura tal-aqwa kwalità ma tieqaf qatt. Dan hu gvern progressiv bi pjan ħolistiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies. Vjal 25 ta’ Novembru kienet fi stat gravi ħafna u ta’ abbandun. Kien propju Gvern Laburista li reġa’ ta l-ħajja lil din it-triq prinċipali u li issa se tkun tista titgawda b’mod speċjali miż-Żwieten u minn dawk in-nies kollha li jagħmlu użu minnha. Il-ħidma favur infrastruttura ħadra u sostenibbli ma taqta’ qatt. Fil-fatt f’din it-triq ġew imħawla total ta’ 36 siġra taż-Żnuber. Ninsabu kommessi li nżommu din il-kwalità u dan l-impenn. Biss biss fil-każ taż-Żejtun dan l-impenn se jkompli għas-sentejn li ġejjin fejn għandna pjani ta’ iktar ħidma fuq toroq sabiex iż-Żwieten ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar u r-raħal tant sabiħ tagħhom jerġa’ jieħu l-kulur permezz ta’ infrastruttura denja li l-frott tagħha se jibqa’ jitgawda anke mill-ġenerazzjonijiet futuri”.
Xi xogħlijiet li saru fi Vjal 25 ta’ Novembru jinkludu sistema ta’ dwal fit-triq, sistema ġdida tal-ilma u drenaġġ kif ukoll passaġġ segregat ġdid għall-mixi. Madwar iż-Żejtun, Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet oħra fuq toroq oħrajn fosthom; Triq Toni Zahra, Labour Road, Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Triq Bugharbiel, Triq Dwiemes, Triq Tatas, parti minn Triq il-Faqqus u xogħol ieħor fuq erba’ toroq rurali oħra.
Is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela qalet li, “Qed isiru diversi toroq fil-lokalità tagħna li qegħdin jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti Żwieten. Illum qegħdin ninawguraw proġett ieħor importanti għalina, dak ta’ Vjal 25 ta’ Novembru, triq prinċipali li tieħdok lejn iċ-ċentru. Kienet ilha snin fi stat ta’ telqa tant li saret perikoluża għas-sewwieqa, għaldaqstant għandna għax inkunu grati lejn Gvern Laburista li bil-għaqal fit-tmexxija qed tkun possibbli li jsir dan. Grazzi wkoll lill-Ministru Ian Borg u l-Inġinier Azzopardi flimkien mat-tim kollu ta’ Infrastructure Malta, għall-ħidma kontinwa tagħhom kemm infrastrutturali kif ukoll dik ambjentali, ħidma kbira u twettiq ta’ proġetti li l-kunsilli żgur li ma setgħux iwettqu waħedhom”.