gov.mt

pr210414

PR210414

25/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: It-tnedija tal-Aviation Stakeholders Forum waqt żjara fl-uffiċini ta’ DC Aviation Malta

​​

​Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar l-uffiċini ta’ DC Aviation, fejn nieda l-Aviation Stakeholders Forum, hekk kif kien imwiegħed fil-baġit ta’ din is-sena. 

Dan il-forum se jkun qed jinkludi l-istakeholders kollha involuti fis-settur tal-avjazzjoni f’Malta, li jinkludu kemm entitajiet governattivi kif ukoll dawk privati. Mistenni ukoll li jkollu diversi laqgħat sabiex jinżamm rendikont tal-prestazzjoni tal-industrija matul is-sena preċedenti, kif ukoll isir analiżi tal-prestazzjoni tas-settur matul is-sena. Dan se jgħin sabiex il-gvern ikompli jiżviluppa u jmexxi l-quddiem dan is-settur, mhux biss billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet preżenti, iżda anke biex nippreparaw għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet futuri li joffri s-settur tal-avjazzjoni f’Malta.

Il-Ministru Ian Borg fakkar fir-rwol importanti tal-Aviation Advisory Committee, li kien twaqqaf f’Diċembru tas-sena li għaddiet, u li kien pass importanti ħafna sabiex qabel kollox tkompliet tissaħħaħ il-kordinazzjoni bejn ministeri u entitajiet pubbliċi fis-settur tal-avjazzjoni. F’anqas minn erba’ xhur, saru erba’ laqgħat tal-Aviation Advisory Committee, u kien permezz ta’ dawn l-iżviluppi li ħolqu bażi soda li mbagħad ġie deċiż li jitwaqqaf l-Aviation Stakeholders Forum, li jiġbor fih u jagħti vuċi akbar lill-istakeholders kollha fis-settur.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Is-settur tal-avjazzjoni se jibqa’ parti mill-istrateġija tagħna għall-irkupru ekonomiku. Dan hu settur li jikkontribwixxi b’mhux inqas minn €600 miljun lejn l-ekonomija tagħna, qed iġorr ’il fuq minn seba’ miljun passiġġier, u qed jimpjega, b’mod totali, mat-13,500 ruħ. Minkejja li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq l-industrija minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar, però kien dan iż-żmien li ġiegħlna napprezzaw aktar u nagħrfu d-dipendenza u l-importanza tas-settur. Din l-inizjattiva hija għall-darb’oħra xhieda li dan il-gvern hu wieħed progressiv, u li mhux biss qed jimpenja ruħu biex jgħin u jsaħħaħ il-kumpaniji kollha fil-qasam tal-avjazzjoni li huma bbażati f’pajjiżna, iżda qed iħares ukoll lejn il-futur. Qed naraw kif nistgħu nsaħħu u nkomplu nkabbru dan is-settur sabiex mhux biss jibqa’ wieħed mill-aħjar fl-Ewropa, imma anke fuq livell mondjali.”

Il-Perit Karmenu Vella faħħar il-ħidma li qed issir mill-Ministru Borg fil-qasam tal-avjazzjoni. Semma b’mod partikolari l-ħidma estensiva li għaddejja fi ħdan il-kumitat konsultattiv dwar l-avjazzjoni, filwaqt li sostna li t-twaqqif tal-Aviation Stakeholders Forum hija turija ċara ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb ir-relazzjoni tiegħu mal-istakeholders. Il-Perit Vella saħaq kif b’inizjattivi bħal dawn il-gvern mhux biss qed jimla r-rwol tiegħu tal-leġislatur, imma qiegħed ukoll jiffaċilita u jsaħħaħ is-sinerġiji li jeżistu bejn l-istakeholders infushom.

Id-Direttur Ġenerali għall-Avjazzjoni Ċivili l-Kaptan Charles Pace qal, “Jekk qatt kien hemm żmien li l-industrija tal-avjazzjoni ngħaqdet u mbuttat għar-riformi u l-ftehim, dan huwa llum. Vuċi unifikata hija meħtieġa sabiex timbotta għal approċċ bilanċjat li jippermetti lill-industrija sabiex terġa’ tibda, kif ukoll tissalvagwardja l-impjiegi u tipproteġi l-investiment. Il-kontribut ta’ dawn il-kumpaniji għall-ekonomija hija importanti ħafna u rridu nkunu mhux biss grati, imma lesti li ngħinu u nisimgħu l-ħtiġijiet tagħhom.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ DC Aviation Stanley Buġeja qal, “Aħna ottimisti dwar dan l-iżvilupp għax, għall-ewwel darba, l-istakeholders kollha, pubbliċi u privati, se jkunu bilqiegħda flimkien fuq bażi regolari sabiex jiżguraw li l-ġurisdizzjoni tagħna tibqa’ waħda minn ta’ quddiem fl-industrija.”