Ko-ordinament għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni li jirrappurtaw Ksur tal-Liġi tal-Unjoni (Whitleblower’s Protection Act)
Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, flimkien mas-Segretarju Permanenti, is-Sur Johann Galea, żar l-Ufiċċju tad-Direttorat: Strategy Support fil-Belt Valletta, fejn ġew milqugħa mid-direttur is-Sinjura Davida Flores flimkien mal-ħaddiema li jaqgħu taħt dan id-dipartiment.
Filwaqt li rringrazzjhom tal-ospitalità, il-Ministru Zammit Lewis spjega li d-Direttorat Strategy Support jaqdi numru ta’ funzjonijiet, l-aktar marbuta mat-temi tal-ġustizzja u l-governanza. Il-ħidma tad-Direttorat hija ffukata fuq l-implimentazzjoni tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. F’dan il-kuntest id-Direttorat jiggwida lill-amministrazzjoni pubblika, inkluż Ministeri oħra, Dipartimenti u entitajiet, fil-qasam tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi kollha. B’dan il-mod ir-responsabbiltà tad-Direttorat hija li l-Gvern ikun mgħarraf u mħarreġ sabiex id-dritt fundamentali tal-privatezza jkunu salvagwardjati.
Waħda mill-ħidmiet prinċipali tad-Direttorat kienet id-dħul tar-Regolament Ġenerali Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (GDPR), liema regolament irid ikun applikat kemm mill-individwi kif ukoll minn entitajiet u intrapriżi. Il-Ministru fakkar l-importanza tal-buon governanza u t-trasparenza fil-ġbir, żamm u użu tad-data personali.
Hu enfassizza li filwaqt li din it-Taqsima tikkolabora bis-sħiħ mal-Kummissjoni għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, id-Direttorat u l-Gvern, jagħraf u jirrispetta l-indipendenza tal-Kummissjoni. Liema Kummissjoni hija mmexxija mis-Sur Ian Deguara, li ħa l-ġurament tal-ħatra propju nhar il-Gimgħa 8 ta’Jannar.
L-isfida li jmiss għal dan id-Direttorat hija lir-rwol tiegħu bħala uffiċċju ta’ ko-ordinament għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropeja dwar il-Protezzjoni ta’ whistleblowers. F’Malta din il-liġi, magħrufa iktar bħala il- Whistleblower’s Act, ilha fis-seħħ mill-2013. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2021 din il-liġi se tkun emendata skont id-Direttiva Ewropea. Għalhekk id-Direttorat se jkun inkarigat li jara li t-traspozzizzjoni issir skont iċ-ċirkostanzi u l-qafas legali nazzjonali, sabiex ikompli jkollna standards Ewropej anke f’dan il-qasam.
Il-Ministru għalaq billi qal li d-Direttorat ser jibqa jgħin sabiex il-Gvern ikompli jħares l-obbligi u jsaħħaħ id-drittijiet tal-individwu fil-qasam tal-privatezza, l-aċċess għall-informazzjoni, u fi trasparenza u governanza xierqa. “L-osservanza tad-Drittijiet Fundamentali tal-bniedem jibqgħu parti ċentrali mill-ħidma tiegħu bħala Ministru għall-Ġustizzja.” Huwa kompla jgħid li jinsab “kommess li jkun ta’ għajnuna assoluta għal dan id-Direttorat biex jkompli jsaħħaħ dan is-settur, u jipprovdu servizzi li minnhom jibbenifikaw minnhom il-poplu Malti u Għawdxi kollu.”