gov.mt

pr211276

PR211276

05/07/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET 202,000 ċertifikat tal-vaċċin imniżżel minn certifikatvaccin.gov.mt

​​

202,000 persuna niżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin Malti, filwaqt li mill-1 ta' Lulju, 75,000 persuna niżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin Ewropew minn fuq is-sit certifikatvaccin.gov.mt. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kien spjegat li Malta rnexxielha taqbad mal-pjattaforma Ewropea sa mill-ewwel jum tal-proġett Ewropew.

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar kif iċ-ċertifikat tal-vaċċin Ewropew jippermetti lill-Maltin imlaqqma jsiefru f'pajjiżi Ewropej mingħajr il-bżonn li jippreżentaw PCR test negattiv. Huwa spjega li b'kollaborazzjoni mal-EU Healthy Gateways Project, il-Passenger Locator Form, li hija formola li hu mitlub jimla kull min jidħol f'pajjiżna, u l-Health Declaration Form, inqelbu għal forma diġitali. Huwa appella lil kull min se jsiefer lejn pajjiżna sabiex iżuru s-sit app.euplf.eu u jimla l-formoli b'mod diġitali, sabiex ikun iffaċilitat t-tragward tal-persuni fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.

 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mill-15 ta' Lulju se tinfetaħ pjattaforma Ewropea oħra li minnha jiġu ġġenerati ċertifikati tal-PCR tests.

 

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li f'ħamest ijiem, Identity Malta proċessat 75,000 ċertifikat tal-vaċċin biex għamlitu konformi maċ-ċertifikat Ewropew tal-vaċċin. Spjega li Identity Malta hija l-moħħ wara l-back-end li jipproċessa ċ-ċertifikat tal-vaċċin lokali u ġġibu konformi ma' regoli Ewropej. Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija għall-ħidma kontinwa tagħhom, sostna li l-prijorità tal-aġenzija se tibqa' l-effiċjenza, sabiex kull ċittadin Malti u Għawdxi jinqeda fil-ħin u bl-aktar mod sigur.

 

Malta tibqa' bl-ogħla rata ta' vaċċinazzjoni

 

Bi 82.5% tal-adulti Maltin li ħadu mill-inqas l-ewwel doża u 77% tal-adulti li huma mlaqqma kompletament, ir-rata ta' tilqim f'Malta baqgħet l-ogħla waħda fid-dinja, stqarr id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

 

“Għandna nitlaqqmu biex nipproteġu lilna nfusna u lil ta' madwarna", qal Chris Fearne, filwaqt li semma wkoll kif fl-aħħar jiem il-pazjenti rikoverati fl-Isptar Mater Dei bil-COVID-19 ma kinux imlaqqma. Dan filwaqt li madwar 90% tal-każijiet ġodda rrappurtati huma ta' persuni li ma ħadux it-tilqim kontra l-COVID-19. “Huwa għalhekk li l-awtoritajiet tas-saħħa jisħqu li t-tilqima hija l-unika soluzzjoni biex ikun protett il-poplu Malti u Għawdxi u nerġgħu noqorbu lejn in-normalità", kompla d-deputat prim ministru.

 

Huwa wkoll ħabbar li mid-19 ta' Lulju se titnieda sistema ta' tilqim bla appuntament f'Malta u Għawdex għar-residenti li għadhom ma tlaqqmux, fejn ikun meħtieġ li jiġi preżentat biss dokument ta' prova li l-persuna hija residenti f'pajjiżna. Id-dettalji ta' din is-sistema se jkunu ppubblikati fil-jiem li ġejjin.​