L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qiegħda tinvesti €1.4 miljun sabiex tiġi ġġenerata l-pjazza ta’ Buġibba.
Dan il-proġett li x-xogħol fuqu mistenni jibda s-sena dieħla se jkun ibbażat fuq pavimentar ġdid, żieda sostanzjali ta’ siġar kif ukoll żoni ta’ rikreazzjoni mifruxin għal kull età.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-proġett jissimbolizza bidla fil-mentalità għall-mod kif inħarsu lejn l-infrastruttura turistika.
“Inutli ninkoraġġixxu lis-settur privat biex jinvesti fil-lukandi jew fir-restoranti mingħajr ma nagħmlu l-parti tagħna bħala gvern biex l-esperjenza turistika tkun waħda ta’ kwalità,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Huwa saħaq kif il-proġett tal-lum mhuwiex l-uniku impenn tal-gvern biex titjieb il-kwalità tal-ħajja f’San Pawl il-Baħar, imma fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se ssir aktar ħidma biex l-isfidi li ġġorr magħha din il-lokalità jibdew jiġu indirizzati bis-serjetà.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia saħaq kif din il-pjazza ġiet mibdula għal kif nafuha llum aktar minn għoxrin sena ilu.
“Bħala Awtorità u Ministeru għat-Turiżmu, qbilna li dan huwa l-mument propizju sabiex din il-pjazza, li hija ħolqa importanti għall-prodott turistiku Malti, tingħata l-attenzjoni li tant jixirqilha. L-għan aħħari ta’ dan il-proġett huwa li, minbarra li jsebbaħ din iż-żona, naraw ukoll li din tkun aċċessibbli għal kulħadd, u b’hekk din issir destinazzjoni li tkun ideali għal persuni ta’ kull ġenerazzjoni,” temm jgħid Gavin Gulia.