Minn nhar l-Erbgħa, 14 ta' Lulju 2021, se jingħalqu l-iskejjel tat-tagħlim tal-Ingliż u se jkunu aċċettati biss turisti li juru ċertifikat tal-vaċċin li jkun approvat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ta' Malta. Tfal ta' etajiet bejn il-ħames snin u t-12-il sena jrid ikollhom PCR test negattiv għall-COVID-19, filwaqt li tfal taħt il-ħames snin huma eżentati minn dan l-obbligu. It-tfal jeħtieġu li jkunu akkumpanjati minn adult fil-pussess ta' ċertifikat awtorizzat tal-vaċċin.
Din id-deċiżjoni qed tittieħed biex tkun imħarsa s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin u jkompli jkun issalvagwardjat sajf ta' xogħol, li hu kruċjali għall-għajxien ta' eluf ta' familji Maltin u Għawdxin. Din id-deċiżjoni qed tittieħed ukoll għax għad għandna parti mill-popolazzjoni tal-Maltin u l-Għawdxin li mhix imlaqqma.
L-aħħar jiem urew b'mod ċar ħafna li l-vaċċin qiegħed jaħdem, tant li minkejja ż-żieda fin-numri ta' persuni pożittivi bil-Covid-19, il-maġġoranza tal-persuni kienu ta' nazzjonalità barranija u l-maġġoranza assoluta (iktar minn 90%) ma kinux vaċċinati.
L-uniċi tliet persuni pożittivi għall-COVID-19 rikoverati fl-Isptar Mater Dei huma ta' nazzjonalità barranija u mhumiex imlaqqma kompletament, tnejn minnhom ma ħadu l-ebda doża tal-vaċċin, u t-tielet persuna ħadet it-tieni doża din il-ġimgħa stess u għalhekk ma kellhiex l-immunità kompluta li joffri l-vaċċin kontra l-COVID-19. Għalhekk, filwaqt li n-numri ta' persuni pożittivi ma kellhomx impatt fuq is-sistema ta' saħħa pubblika, il-gvern qed jerġa' jagħżel it-triq tal-kawtela biex jipproteġi s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-pubbliku għandu jkompli jieħu l-vaċċin biex ikun imħares mill-effetti tal-COVID-19 u jsegwi l-miżuri li hemm fis-seħħ.