Ġie inawgurat investiment ta’ €300,000 ta’ tisbiħ fuq ix-xatt tax-Xemxija. Dawn ix-xogħlijiet li bdew u tlestew f’temp ta’ tliet xhur, involvew rinnovar tar-railing tax-xatt, titjib sostanzjali fil-pavimentar, aktar żoni ambjentali kf ukoll bankijiet u dwal ġodda.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo ddeskriva dan il-proġett bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li b’mod simboliku qiegħed iwassal biex minn sempliċiment manutenzjoni mmorru għal riġenerazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infrastruttura turistika.
“Ma jagħmel l-ebda sens li ninkoraġġixxu lill-privat biex jinvesti mingħajr ma nagħmlu l-parti tagħna bħala gvern. Din għandha tkun il-mentalità ġdida li rridu nembarkaw fuqha fiż-żmien li ġej. Il-kwalità u d-dettall li rridu nkomplu nidħlu fih jibqa’ kruċjali biex inkomplu ntejbu l-prodott turistiku li noffru bħala pajjiż,” qal il-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Ministru Bartolo żied li dan il-proġett huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-effiċjenza, tal-aċċessibbiltà u tas-sostenibbiltà.
“L-għan tagħna huwa li nirregalaw lill-poplu tagħna u lit-turisti iżjed spazji u żoni li jkunu aċċessibbli għal nies ta’ kull età. Iż-żminijiet diffiċli li għexna f’dawn l-aħħar xhur iġiegħluna ngħożżu iżjed minn qatt qabel il-libertà li ngawdu lill-għeżież tagħna f’pajjiż isbaħ milli kellna qabel il-pandemija”, irrimarka l-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li l-MTA ser tibqa’ kommessa li tkompli tagħti l-appoġġ tagħha biex jibqa’ jsir dan it-tip ta’ investiment sabiex nassiguraw li l-prodott turistiku jibqa’ jkun wieħed ta’ kwalità u sostenibbli.