Minn nhar l-Erbgħa l-ewwel ta’ Lulju, Malta se tkun fuq il-lista l-ħadra tal-ivvjaġġar tar-Renju Unit. Din id-deċiżjoni se twassal biex turisti Brittaniċi li jiġu Malta ma jkollhomx bżonn jagħmlu perjodu ta’ kwarantina meta mbagħad imorru lura f’pajjiżhom.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, pajjiżna se jkun qed iħares is-saħħa tar-residenti Maltin, u ta’ kull min iżur pajjiżna, billi jeżiġi li mit-30 ta’ Ġunju 2021, persuni li jtiru lejn Malta mir-Renju Unit iridu jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin.
Dan ifisser li huma biss il-persuni li għandhom ċertifikat tat-tilqim rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika li jkunu jistghu jidħlu Malta mir-Renju Unit mingħajr ma jeħtieġu joqgħodu kwarantina.
Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-istudju epidemoloġiku tas-sitwazzjoni tal-każijiet tal-varjanti rrappurtati fir-Renju Unit.