Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210501

PR210501

10/03/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Imħabbra numru ta’ miżuri biex titrażżan l-imxija tal-COVID-19

​​​​

F'konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta' Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Prof Charmaine Gauci, ħabbar numru ta' miżuri sabiex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.​

Fil-fatt kien imħabbar kif mill-Ħamis 11 ta' Marzu sal-11 ta' April, flimkien mal-miżuri li diġà qegħdin fis-seħħ, se jkunu qegħdin:

  • Jingħalqu l-ħwienet u jitwaqqfu s-servizzi meqjusa bħala mhux essenzjali;
  • Jingħalqu r-ristoranti u l-faċilitajiet anċillari tal-lukandi li se jkunu jistgħu jibdew joffru biss ikel u xorb permezz tar-room service jew deliveries;
  • L-ivvjaġġar lejn Għawdex se jkun limitat biss għal raġunijiet essenzjali u/jew għal min għandu proprjetà fil-gżira Għawdxija;
  • Il-limitu għal gruppi f'postijiet pubbliċi se jinżel minn 6 għal 4;
  • Se jkun sospiż l-isport organizzat kollu;
  • Se jingħalqu l-gyms u l-pools;
  • Se jingħalqu s-swali taċ-ċinema, it-teatri, u l-mużewijiet;
  • Se jitwaqqfu t-tiġijiet u l-attivitajiet reliġjużi inkluż il-quddies;
  • Il-funerali se jkunu jistgħu jkomplu jsiru skont il-protokolli li hemm fis-seħħ.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li mit-Tnejn 15 ta' Marzu se jingħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi u ċ-ċentri taċ-childcare, dan filwaqt li b'mod parallel il-Gvern se jkompli jaħdem mal-istakeholders kollha biex qabel il-vaganzi tal-Għid il-lezzjonijiet jingħataw online kif diġà qiegħed isir b'suċċess fl-istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji.

Dr Abela spjega li l-Gvern qed jieħu din il-pożizzjoni fi żmien li kif spjegat mill-esperti mediċi, iktar minn 60% tal-aħħar każijiet tal-COVID-19 f'Malta huma riżultat tal-varjant li qiegħed iwassal għal tixrid ikbar ta' dan il-virus.

“Qegħdin inżidu dawn il-miżuri sabiex inkunu aktar aggressivi fid-difiża tagħna partikolarment kontra l-varjant. Irridu nikkontrollaw id-domanda fuq l-isptar biex nibqgħu nagħtu l-aqwa kura lil kull min għandu bżonnha. Irridu nnaqsu l-infezzjonijiet biex is-sistema tas-saħħa tibqa' taħt kontroll filwaqt li inkomplu r-rata ta' vaċċinazzjoni li diġà hija l-aqwa waħda fl-Ewropa."

Il-Prim Ministru tenna li l-prijorità tal-Gvern matul din il-pandemija kienet u se tibqà li jipproteġi s-saħħa tan-nies u li titħares il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

“Nibqa' determinat, flimkien mal-Gvern, li naħdmu biex kemm jistà jkun malajr immorru għan-normalità u nemmnu li l-programm ta' vaċċinar huwa kruċjali f'dan kollu. Il-frontliners se jibqgħu jsibu lili u l-Gvern warajhom billi nieħdu d-deċiżjonijiet kollha li hemm bżonn. Konvint li bħala poplu fil-ġimgħat li ġejjin se nkomplu ngħixu l-ispirtu ta' għaqda li jien rajt u esperjenzajt tul l-aħħar tnax-il xahar."

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne spjega li min-nhar is-Sibt 13 ta' Marzu se jkunu qegħdin jiġu posposti l-operazzjonijiet li m'humiex urġenti sabiex l-istaff ta' dawn is-swali jkunu jistgħu jiffukkaw ħidmithom fuq il-pazjenti tal-COVID-19. 

Dwar il-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru qal li ta' kuljum qegħdin jingħataw madwar 4,000 doża tal-vaċċin biex illum madwar 17% tal-popolazzjoni f'Malta bdiet titlaqqam. Dan filwaqt li huwa previst li l-herd immunity tintlaħaq ħames ġimgħat qabel l-aħħar ta' Settembru, minn kif kien ppjanat oriġinarjament.

Huwa kkonkluda jgħid li fis-sigħat li ġejjin pajjiżna għandu jirċievi konferma għal kwart ta' miljun doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 ta' Johnson & Johnson filwaqt li se jinfetħu żewġ ċentri tat-tilqim kbar fl-MCAST u fl-Aurora f'Għawdex.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Prof Charmaine Gauci sostniet li mill-evalwazzjonijiet u testijiet li saru mill-awtoritajiet tas-saħħa, huwa ċar li l-varjant qiegħed jikkontribwixxi għall-ammont ta' każijiet pożittivi tal-COVID-19. Għalhekk, tenniet li dawn il-miżuri se jkunu qegħdin jgħinu fil-ġlieda kontra dan il-virus b'mod immedjat.