gov.mt

pr210588

PR210588

25/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Titnieda l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta


Inkomplu nsaħħu f'pajjiżna s-servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea

 

Servizzi Ewropej f'Malta – SEM, tnediet uffiċjalment bħala aġenzija tal-gvern li tipprovdi servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea. B'hekk il-MEUSAC ingħatat isem ġdid li jfisser aħjar il-ħidma tal-aġenzija, bit-tisħiħ ta' servizzi eżistenti u l-introduzzjoni ta' oħrajn ġodda. Servizzi Ewropej f'Malta se tkun qed isservi bħala l-ewwel punt ta' kuntatt għal ċittadini u organizzazzjonijiet li jkunu jeħtieġu informazzjoni u assistenza fejn tidħol l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li taħt ir-responsabbiltà tiegħu jaqgħu is-servizzi Ewropej f'Malta, qal li fid-diskussjonijiet dwar l-aġenzija SEM inħass il-bżonn li tiġi emendata l-liġi biex jissaħħaħ l-operat tal-aġenzija li tagħmel l-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini. Barra minn dan, se jkun hemm sinerġija akbar bejn il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku Soċjali u Servizzi Ewropej f'Malta.  B'hekk mhux biss se nkomplu nsaħħu d-djalogu soċjali fejn għandha x'taqsam l-UE, imma wkoll inkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-ħin u r-riżorsi.

 

Il-Ministru Abela qal li l-gvern, permezz ta' Servizzi Ewropej f'Malta se jkompli jwassal servizz effiċjenti u b'valur miżjud liċ-ċittadini, kemm jekk japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea fejn se tkun qed tingħata wkoll gwida fl-implimentazzjoni tal-proġetti; kemm jekk jipprovdu l-opinjoni tagħhom dwar proposti leġiżlattivi u ta' politika tal-Unjoni; kemm jekk ifittxu li jkunu aġġornati b'dak li jkun għaddej fl-Unjoni, jew jekk ikollhom xi mistoqsija dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

 

Il-Ministru Abela qal li fil-manifest elettorali tal-gvern għal din il-leġiżlatura il-miri huma ċari biex nużaw bl-aħjar mod il-fondi Ewropej f'kull qasam, fosthom it-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, is-sigurtà, l-infrastruttura u l-immigrazzjoni. Għaldaqstant, din l-aġenzija se tibqa' fuq quddiem biex tkompli tassigura li n-nies mhux biss ikunu involuti u infurmati dwar dak kollu li qed isir fuq livell Ewropew, iżda wkoll li jintużaw bl-aħjar mod il-fondi Ewropej sabiex jintlaħqu l-miri ta' pajjiżna bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. F'dawn is-seba' snin li ġejjin l-isfida hija akbar minħabba li l-gvern ġab pakkett finanzjarju d-doppju ta' dak miksub fis-seba' snin ta' qabel.  Għalhekk huwa meħtieġ li mhux biss nistennew lill-Għaqdiet Mhux Governattivi u lill-kunsilli lokali jiġu għand SEM, imma tmur l-Aġenzija stess għandhom.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar spjega illi dan li qed nieħdu sehem fih illum mhuwiex biss eżerċizzju ta' rebranding imma wkoll ta' mod ta' ħidma ġdida – viżjoni u funzjoni.  Huwa qal li dak li qed isir bis-SEM jimxi mal-istrateġija tas-Servizz Pubbliku f'dawn l-aħħar snin fejn is-servizzi jitwasslu għand in-nies u mhux nistennew lin-nies ifittxu lis-servizz.  Speċjalment fejn jidħlu fondi Ewropej, għad hawn ħafna nies illi jibżgħu jersqu 'l quddiem minħabba burokrazija massiċċa tal-Unjoni Ewropea, u SEM trid tkun l-ispalla għal dawn in-nies.

 

Is-Sur Cutajar qal ukoll illi SEM trid tipperfezzjona l-kommunikazzjoni mal-pubbliku u tiffoka fuq servizz personalizzat.  Anke l-isem tal-aġenzija minn MEUSAC għal Servizzi Ewropej f'Malta huwa sinifikattiv u importanti għax ifakkar ta' kuljum f'servizz fit-totalità tiegħu. Mhux biss, imma filwaqt li qed isir dan kollu, qed issir ħidma biex strutturi fis-Settur Pubbliku b'funzjonijiet simili għal SEM jiġu amalgamati, b'linji ta' demarkazzjonijiet ċari li finalment iwasslu għal servizz iktar effiċjenti u punt ta' referenza wieħed għall-klijenti.

 

Dan kollu bħala parti minn strateġija għal tiġdid fis-Servizz Pubbliku li tat il-frott u li qed tagħmel lis-Servizz Pubbliku iktar aċċessibli fejn il-klijent jieħu servizz ta' eċċellenza bla taħbil il-moħħ.

 

Fi kliem il-Kap Eżekuttiv ta' SEM, Mandy Falzon, il-funzjonijiet tal-aġenzija l-ġdida se jkunu li tinforma dwar l-aħħar żviluppi fl-istrateġiji, politiki, liġijiet u inizjattivi tal-Unjoni Ewropea; tinvolvi organizzazzjonijiet u individwi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi tiffaċilita t-twassil ta' fehmiet dwar proposti ta' inizjattivi tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni ta' dawk l-inizjattivi li jkunu ġew adottati mill-istituzzjonijiet tagħha u finalment li tassisti organizzazzjonijiet biex jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, billi tinfurmahom bl-opportunitajiet kurrenti u tgħinhom japplikaw għal proġetti.

 

Barra minn hekk l-aġenzija l-ġdida se ddaħħal servizz ġdid biex tiggwida lill-organizzazzjonijiet li jkunu ħadu l-fondi fl-implimentazzjoni tal-proġetti skont kif ikunu allokati, u biex dawn jilħqu b'suċċess ir-riżultati tal-proġett li jkunu ngħataw il-fondi għalihom.

 

L-Aġenzija SEM tista' tiġi kkuntattjata mill-website sem.gov.mt, fuq 2200 3300, jew info.sem@gov.mt.​