Il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru, fil-jum iddedikat għal aktar għarfien dwar it-tsunami, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkordina operazzjoni ta’ evakwazzjoni f’Marsaxlokk bħala parti minn simulazzjoni f’każ li jseħħ tsunami f’Malta. L-eżerċizzju ttestja l-komunikazzjoni bejn entitajiet tal-forzi tal-ordni u l-proċeduri operattivi, filwaqt li ppromwova t-tħejjija għall-emerġenzi li jistgħu jinqalgħu. Ir-residenti kienu infurmati li kien se jsir dan l-eżerċizzju, bl-għan li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-ħaddiema tiegħu jkunu ppreparati iktar għal diżastru naturali bħalma hu t-tsunami. It-toroq kienu kollha magħluqin u għalhekk ma kienx hemm aċċess minn ġewwa jew barra l-lokal.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif l-ebda pajjiż mhuwa protett minn diżastri naturali, madankollu jeħtieġ li l-pajjiż ikun ippreparat biex f’każ ta’ emerġenza nsalvaw il-ħajjiet u jiġu mminimizzati d-danni. Huwa qal kif l-investiment li sar fl-aħħar xhur biex tissaħħaħ il-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sarraf biex illum id-Dipartiment huwa mgħammar biżejjed biex ikun jista’ jagħmel eżerċizzji ta’ dan it-tip. “Xprunajna investiment bla preċedent biex niżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien tal-ħaddiema. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar sentejn investejna madwar €300,000 f’diversi tipi ta’ taħriġ, minn dak akkademiku sa dak aktar speċjalizzat,” qal il-Ministru Camilleri.
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili s-Sur Emanuel Psaila tkellem dwar ix-xhur ta’ preparazzjoni li kien jinvolvi fih dan l-eżerċizzju. Fil-fatt, il-Protezzjoni Ċivili organizzat sessjonijiet ta’ għarfien mar-residenti ta’ Marsaxlokk, kif ukoll ikkonsultat mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, l-iskola primarja ta’ Marsaxlokk, u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) fost oħrajn. Filwaqt li s-sinerġija bejn il-forzi tal-ordni hija dejjem kruċjali, f’operazzjoni daqstant delikata din il-koperazzjoni hija ċ-ċavetta għas-suċċess. Is-Sur Psaila rringrazzja lill-entitajiet li kienu involuti fl-operazzjoni, fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija, LESA, Transport Malta u d-Dipartiment tas-Saħħa.