gov.mt

pr212037

PR212037

12/11/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Inawgurata klinika fil-komunità rinnovata f'Santa Luċija


Il-Ġimgħa waranofsinhar ġiet inawgurata klinika fil-komunità kompletament rinnovata fil-lokalità ta' Santa Luċija li permezz ta' investiment mill-fondi tal-NDSF, se tkun qed toffri ħames servizzi ta' kura primarja lit-3,000 resident ta' Santa Luċija.

Waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern sabiex il-pazjenti li jkollhom bżonn servizzi bażiċi tas-saħħa, bħalma huma dawk li se jkunu offruti f'din il-klinika, iġifieri s-servizz tat-tabib tal-familja, tal-infermiera, tal-podjatrija, tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma u tal-fiżjoterapija, jingħataw fil-komunitajiet stess. Fakkar li din hija l-ħmistax-il berġa ġdida jew rinnovata li qed tiġi inawgurata u fisser li x-xogħlijiet tal-Primary Healthcare se jissoktaw f'lokalitajiet oħra fix-xhur li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinaza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li l-NDSF qed tinvesti €10 miljun biex dawn il-bereġ ikunu rinnovati jew jinfetħu għall-ewwel darba. Qal li dan mhux investiment iżolat fil-qasam tas-saħħa. Infatti, għadu  kemm tħabbar investiment ta' €1.5 miljun biex ikun hemm CT Scanner f'San Vinċenz de Paul. Eżempju ieħor huwa l-investiment ta' €8 miljun f'ċentru ġdid għall-kura paljattiva mmexxi minn Hospice Malta.

“Din hija r-ruħ soċjali ta' dan il-gvern", qal is-segretarju parlamentari. “Se nkomplu nistinkaw biex nattiraw l-investiment dirett barrani lejn pajjiżna, liema investiment qed ninvestuh fil-komunità", temm jgħid Alex Muscat.

Il-programm tad-dożi tal-booster miexi iżjed 'il quddiem

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru rrefera għall-programm ta' vaċċinazzjoni tal-booster kontra l-COVID-19 u ħabbar li bdew jintbagħtu l-ittri ta' appuntament lill-persuni li għandhom 'il fuq minn 60 sena. Huwa spjega li sal-aħħar ta' Diċembru se jkunu vaċċinati l-persuni kollha ta' dan il-grupp.

Ta rendikont tal-persuni mlaqqma sa issa bil-booster dose fejn diġà tlaqqmu 80% tal-persuni li għandhom 'il fuq minn 70 sena u l-persuni immunosopressi li setgħu jieħdu t-tilqima f'dan il-perjodu. Huwa spjega li minn din il-ġimgħa bdew jitlaqqmu l-ħaddiema tal-qasam tas-saħħa u sa issa tlaqqmu 40% minnhom, u minn għada se jibdew jitlaqqmu wkoll il-ħaddiema tal-iskejjel.

Dwar l-attivitajiet tal-Milied, id-Deputat Prim Ministru appella lill-pubbliku biex tinżamm il-kawtela peress li n-numri ta' każijiet ġodda tal-COVID-19 qegħdin jiżdiedu, madanakollu reġa' stqarr li peress li r-rata għolja ta' vaċċinazzjoni f'pajjiżna qed iżżomm is-sitwazzjoni f'Mater Dei stabbli, mhumiex se jitħabbru miżuri restrittivi ġodda. Huwa ċċara li attivitajiet marbuta mal-Milied fl-iskejjel jistgħu jsiru jekk il-ġenituri li jattendu l-attivitajiet ikunu mlaqqma.

Minn nhar it-Tnejn tibda tingħata t-tilqima tal-influwenza lill-poplu kollu​

Id-Deputat Prim Ministru spjega li issa li tlaqqmu l-persuni l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà kontra l-influwenza, inklużi t-tfal, minn nhar it-Tnejn il-programm tal-vaċċinazzjoni se jinfetaħ għall-pubbliku inġenerali. Huwa fakkar li t-tilqima tal-influwenza qed tingħata bla ħlas miċ-ċentri tas-saħħa kollha madwar Malta u Għawdex u appella biex kulħadd jitlaqqam.